ŻJARA FL-ISTAMPERIJA TAL-GVERN IL-MARSA
Waqt żjara fl-istamperija tal-Gvern il-ġimgħa filgħodu, l-Onorevoli Michael Farrugia ltaqa’ mad-direttur Carmel Sammut u anki mal-ħaddiema kollha tal-kumpanija li b’kollox huma sitta u ħamsin persuna.
Din kienet żjara li saret bħala parti miż-żjarat li qed jagħmel l-Onorevoli Farrugia fl-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Michael Farrugia dar mal-bini tal-kumpanija li jinsab fil-qasam industrijali tal-Marsa u tkellem mal-ħaddiema kollha. Huwa tkellem dwar l-istorja tal-istamperija li hija l-iktar stamperija qadima ġewwa pajjiżna li tmur lura sas-sena 1642 meta imprenditur Sqalli waqqafha f’Malta. L-Onorevoli Farrugia kompla jgħid li kien fis-snin sebgħin meta din l-istamperija kienet topera mill-Palazz il- Belt Valletta, mill-binja tal-Kavallier ta’ San Ġakbu sakemm imbagħad imxiet fil-bini li qegħda fih illum fil-Marsa.
Michael Farrugia qal illi l-ħaddiema li jaħdmu fl-istamperija tal-Gvern huma n-nies li jagħmlu x-xogħol kollu relatat mad-Dipartimenti tal-Gvern. Żied jgħid illi din l-istamperija dejjem ippruvat iżżomm mal-progress fejn fil-fatt bħalissa għaddej il-proċess ta’ tender għal makkinarju diġitali għal servizz ta xogħol aħjar.
Bħalissa l-istamperija topera b’makna ‘2 colour’ u allura certu xogħol ikollu jsir barra mill-istamperija. Michael Farrugia qal illi bħalissa qed tkun evalwata l-possibbiltà u l-vijabbiltà li jkun hemm makna ‘4 colour’.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia tkellem ukoll dwar il-possibbiltà ta’ ristrutturar fost il- ħaddiema fejn il-printers jitilgħu għal-livell ta’ senior printers u hekk ikun hemm iktar flessibbiltà fuq il-post tax-xogħol filwaqt li nissimplifikaw ix-xogħol u nnaqsu l-burokrazija.
Michael Farrugia qal ukoll illi persuna minn fost il-ħaddiema għandu jkun nominat bħala health and safety officer biex il-ħaddiema jaħdmu f’ post sigur u nadif.
Huwa żied jgħid illi l-Istamperija tal-Gvern tagħmel xogħol sostanzjali bħal stampar tal-Gazzetta tal-Gvern, legal notices, il-budget u anki dak kollu relatat mal-elezzjonijiet bħal dokumenti tal-vot u ballot papers. Ma dan jiżdied ix-xogħol li jintalab minn żmien għal żmien minn dipartimenti differenti.
Michael Farrugia sostna illi l-iskop hu li din l-Istamperija tal-Gvern trid tkompli tissaħħaħ biex ix- xogħol jimxi b’ritmu aħjar.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en