IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU L-ONOR. KARMENU VELLA INIEDI L-20 EDIZZJONI TAL-FIERA AMITEX
Fl-MFCC f’Ta’ Qali, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella inawgura l-20 edizzjoni tal-fiera dwar l-ivvjaġġar AMITEX organizzata mill-Air Malta.
F’diskors li għamel il-Ministru Karmenu Vella semma’ kif il-bidliet li seħħew fl-offerta ta’ servizzi bl-ajru f’dawn l-aħħar snin, kellu effett kbir fuq kif u kemm-il darba l-Maltin isiefru. Qal li minkejja li dan is-suq wellditu l-Air Malta, il-linja nazzjonali adattat bis-sħiħ għal dawn il-bidliet biex baqgħet sal-lum waħda mill-aktar mezzi prinċipali li l-Maltin jużaw biex jaslu fid-destinazzjoni preferuta tagħhom, b’20% tal-passiġġieri kollha li ġġorr l-Air Malta fis-sena jkunu Maltin.
Il-Ministru għat-Turiżmu semma’ kif aktar ma jgħaddi żmien aktar qed joħroġ ċar kif il-Maltin aktar qed jagħmlu arranġamenti indipendenti għas-safar tagħhom, b’ċifri juru kif is-sena li għaddiet, tliet kwarti tan-nies li siefru bbukjaw b’mod indipendenti filwaqt li kwart għamlu dan permezz ta’ xiri ta’ pakkett.
Il-Ministru Karmenu Vella fisser kif huwa valur mill-aktar simboliku l-fatt li din il-fiera tkun organizzata mill-Air Malta, hekk kif din hija l-linja ewlenija tal-ajru. Hija l-kumpanija li ghaliha l-interess ta’ Malta u l-industrija tat-turiżmu huma l-prijoritajiet ewlenin tagħha tenna l-Ministru Vella. Saħaq li wara l-perjodu nċert li għaddiet minnu, huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-Air Malta tfittex terġa’ tirritorna għall-profittabilità.
Fi kliem il-Ministru għat-Turiżmu, il-gvern se jkun qed jagħti wkoll importanza lejn is-suq outbound anke minħabba l-fatt li minnu nnifsu jgħin u jsostni numru kbir ta’ kumpaniji li jġibu t-turisti lejn xtutna. Dan billi jħares lejn numru t’aspetti ta’ kif jopera s-settur tal-ivvjaġġar f’pajjiżna fis-settur outbound.
Karmenu Vella tkellem ukoll fuq pjani biex ikomplu jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tal-impjegati kollha f’dan is-settur permezz ta’ programmi ta’ taħriġ li jsiru id f’id ma’ aġenziji internazzjonali kif ukoll permezz tal-faċilitajiet u servizzi li joffri l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u li issa jinsab mill-ġdid taħt il-Ministeru għat-Turiżmu.
Il-Ministru Vella saħaq ukoll fuq l-importanza tat-turiżmu intern fejn ħabbar kif f’din l-edizzjoni tal-AMITEX qed tittella’ għall-ewwel darba stand dwar Għawdex. Dan huwa rikonoxximent ċar tal-importanza li Għawdex jagħti lill-Maltin li jmorru jqattgħu l-btala tagħhom f’Għawdex.
Tkellmu wkoll iċ-Chairman tal-Air Malta Louis Farrugia fl-aħħar diskors tiegħu fil-kariga flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Peter Davis.
Il-fiera AMITEX tibqa miftuħa sa’ nhar il-Ħadd 21 t’April.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en