IL-MINISTRU CHRIS CARDONA F’LAQGĦA INFORMALI TAL-MINISTRI TAL-KUMMERĊ TAL-UE FL-IRLANDA
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investment u Intrapriżi Żgħar Chris Cardona pparteċipa f’laqgħa informali tal-ministri tal-kummerċ li saret f’Dublin, l-Irlanda.
Il-Ministri tal-Kummerċ iddiskutew il-prinċipji li fuqhom għandhom ikunu bbażati n-negozjati li jwasslu għal ftehim kummerċjali transatlantiku. Dan il-ftehim qed jingħata importanza kbira mill-Presidenza Irlandiza li stabiliet bħala prijoritajiet it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-istabilita’. Dawn id-diskussjonijiet għandhom iwasslu biex fix-xhur li ġejjin jingħata l-mandatt biex jibdew in-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti.
Skont studji li għamlet il-Kummissjoni Ewropea dan il-ftehim maż-żmien jista’ jwassal għal tkabbir ta’ 0.5% fis-sena fil-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni Ewropea u jgħin fil-ħolqien ta’ madwar 400,000 impjieg ġdid fl-Unjoni Ewropea.
Fil-laqgħa kienet diskussa wkoll id-disa’ laqgħa ministerjali tal-Organizazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li se ssir f’Bali f’Diċembru li ġej kif ukoll kienet preżentata informazzjoni dwar żvillupi li saru fin-negożjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada.
Preżenti wkoll għall-laqgħa kien hemm il-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ Karel De Gucht, il-Membru tal-Kunsill Nazzjonali tas-Sigurta’ u tal-Kunsill Nazzjonali tal-ekonomija tal-Istati Uniti Mike Froman, Ic-Chairman tal-Kumitat Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Parlament Ewropew Prof. Vital Moreiro u d-direttur ġenerali tal-Organizazzjoni Dinjija tal-Kummerċ Pascal Lamy.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en