Left arrow Mur Lura

​DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-FTUĦ TAL-PARK TAN-NATURA U Ċ-ĊENTRU TA’ ŻVILUPP SOSTENIBBLI – XROBB L-GĦAĠIN, DELIMARA – IL-ĠIMGĦA, 8 TA’ APRIL 2011

pr0703
Date Icon 08/04/2013

Mistiedna Distinti,
Sinjuri,

Dalgħodu qed nassistu għall-inawgurazzjoni ta’ proġett ieħor importanti fl-iżvilupp ambjentali, edukattiv, soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna.

Proġett li jixhed l-impenn tagħna lejn l-ambjent, in-natura u l-enerġija nadifa.

Tul dawn l-aħħar tliet snin il-Gvern implimenta programm politiku bbażat fuq l-iżvilupp sostenibbli.  F’kull m’għamilna u f’kull deċiżjoni li ħadna rajna li ma nqisux biss l-interessi immedjati ta’ din il-ġenerazzjoni iżda wkoll dawk tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Rajna li l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali, jimxu u jitgħaġnu flimkien.  Dan il-proġett mhux biss jixhed l-impenn tagħna lejn żvilupp sostenibbli imma fih innifsu huwa mudell ta’ żvilupp sostenibbli.

Dan l-ewwel park għall-familji fin-naħa t’isfel ta’ Malta huwa proġett ambjentali li se jqarribna aktar lejn in-natura ta’ pajjiżna.  Jibni wkoll fuq il-politika tal-Gvern favur l-enerġija nadifa hekk kif iċ-ċentru ta’ enerġija nadifa se joffri opportunità unika biex il-poplu jagħraf il-benefiċċji ta’ din it-tip ta’ enerġija li tiġi ġġenerata mix-xemx u r-riħ. 

Huwa wkoll proġett ta’ riġenerazzjoni fejn art abbandunata qed tiġi mibdula f’oasi naturali u ambjentali.  Permezz ta’ dan il-proġett qed nagħtu spazju ieħor pubbliku.  Fl-aħħar xhur wettaqna diversi proġetti fejn it-tfal u l-familji jistgħu jimirħu fi spazji miftuħa fosthom fi Pjazza San Ġorg, l-Adventure Park, l-Outdoor Gym u l-High Ropes f’Ta’ Qali, Pjazza Sant’Anna u Ġnien George Bonello du Puis fi Qui si Sana.  Proġetti li għandhom dimensjoni soċjali għat-tgawdija tat-tfal u l-familji, fejn flimkien jilagħbu, jistrieħu u jiddevertu.

F’Ottubru li għadda inawgurajna ċ-Ċentru għall-Ħarsien tal-Annimali San Franġisk, fejn annimali domestiċi jingħataw kura.  Issa qed nagħmlu pass ieħor.  Dan il-proġett se jkollu wkoll ċentru għall-annimali tal-baħar marbut ma’ ċentru ta’ riċerka.

Huwa għalhekk proġett li fih ukoll aspett edukattiv, il-mutur tal-iżvilupp soċjali.  Dan iċ-ċentru se jkun qed jilqa’ fih studenti u viżitaturi oħra biex jagħmlu esperjenza unika f’dawn l-inħawi waqt li jitgħallmu u japprezzaw il-flora u l-fawna ta’ pajjiżna.  Nature Trust tmexxi wkoll proġett ieħor edukattiv importanti – eko skola li fih hemm jipparteċipaw 42,000 tifel u tifla.

Magħġun ma’ dawn l-aspetti ambjentali, soċjali u edukattivi hemm ukoll l-aspett ekonomiku.  Qed naraw kif dik l-imsejħa green economy, toffri opportunitajiet ta’ xogħol u investiment għal pajjiżna.  Proġetti bħal dawn jistgħu jattiraw swieq ġodda ta’ turiżmu għall-benefiċċju tagħna ilkoll. 

Sinjuri,

Ħsieb ieħor li nixtieq nislet mill-inawgurazzjoni ta’ dalgħodu hu s-sinifikat ta’ dan il-proġett fejn niċċelebraw il-politika “tal-flimkien”.  Il-politika tal-kollaborazzjoni.  Il-politika tal-parteċipazzjoni.  Fejn kulħadd jista’ jagħti sehmu għat-titjib ambjentali ta’ pajjiżna.

Fil-ħidma tagħna f’kull qasam imma speċjalment dak ambjentali, qed naħdmu mill-qrib ma’ operaturi differenti – dawk privati, is-soċjetà ċivili, l-edukaturi u l-Kunsilli Lokali fost l-oħrajn. 

Dan qiegħed iħalli r-riżultat mixtieq.

Permezz ta’ skemi ta’ għajnuna kemm l-industrija, il-Kunsilli Lokali u aktar familji qed jinvestu fl-ambjent u fl-enerġija nadifa biex innaqqsu l-konsum tal-fuel. 6,000 familja ngħataw għajnuna mill-Gvern biex jixtru solar water heater għad-dar tagħhom filwaqt li aktar minn 2,000 familja ngħataw għajnuna biex jinvestu f’pannelli fotovoltajiċi.  L-impenn tagħna hu li aktar familji u l-industrija tipparteċipa biex flimkien nużaw aktar l-enerġija nadifa u ntejbu l-ambjent u s-saħħa tagħna lkoll.

Qasam ieħor ambjentali importanti hu t-trattament tal-iskart.  Fi tmiem is-sena li għaddiet inawgurajna l-Impjant ta’ Sant’Antnin.  Il-Gvern investa f’impjant modern, f’ċentri għall-ġbir tal-iskart goff u fi bring-in sites.  Flimkien mal-familji qed naraw li l-iskart jiġi trattat aħjar.  Qed naraw żieda sostanzjali fil-ġbir tal-iskart separat – f’sentejn dan żdied b’47%. 

Permezz tal-kampanja 34U flimkien ħawwilna aktar minn 100,000 siġra.  Dan ma kienx ikun possibbli mingħajr is-sehem ukoll tat-tfal, il-familji u intrapriżi kummerċjali. 

L-ambjent huwa tagħna lkoll u kollha kemm aħna, flimkien, irridu insawruh u nħarsuh.  Il-Gvern jara fil-Kunsilli Lokali, fl-għaqdiet sportivi, kulturali u ambjentali u l-voluntiera impenjati fihom, sieħba importanti biex l-art f’pajjiżna tiġi żviluppata bl-aħjar mod u titgawda mill-poplu tagħna.  Mill-2008 sa issa, il-Gvern għadda 121 art jew faċilitajiet pubbliċi lill-Kunsilli Lokali, għaqdiet u NGOs.  Dan qed nagħmluh għaliex nemmnu fir-rwol importanti li għandhom l-għaqdiet u l-voluntiera li rrid nerġa’ nirringrazzjahom f’din is-sena ddedikata għall-volontarjat.

Il-kollaborazzjoni qed tagħti l-frott. 

Qed naħdmu flimkien u qed nirnexxu.

Sinjuri,

Dan il-proġett ta’ żvilupp sostenibbli jikkonferma u jixhed l-impenn tagħna lkoll lejn l-ambjent. 

Impenn li qiegħed jitwettaq f’numru ta’ proġetti f’pajjiżna.  Proġetti ta’ tisbiħ, riġenerazzjoni u proġetti ta’ enerġija nadifa.

Il-ħidma tagħna lkoll flimkien tingħaraf minn dan il-proġett ukoll.  Proġett li qisu l-karta tal-identità.  Juri min aħna, fejn, flimkien qed insawru ambjent aħjar għal uliedna.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow