“IRRIDU NAGĦTU L-OPPORTUNITÀ LIL TFAL LI QEGĦDIN F’OUT-OF-HOME CARE, LI JIĠU ADOTTATI” – L-ONOR. MARIE LOUISE COLEIRO PRECA, MINISTRU GĦALL-FAMILJA U S-SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Wara żjara f’Dar San Ġużepp f’Santa Venera, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali l-Onorevoli Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret li nbdew diskussjonijiet mas-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja bil-għan li jevalwaw kif tfal li qegħdin f’out-of-home care jingħataw l-opportunità li jiġu adottati.
Qalet li dawn it-tfal għandhom id-dritt fundamentali għall-familja.
Għaldaqstant, il-Gvern, se jkun qed jevalwa kull każ b’mod professjonali bl-involviment tat-tfal infushom, biex anke huma jingħataw dan id-dritt.
B’dan il-mod, qalet il-Ministru Coleiro Preca, se nkunu qed nassiguraw il-prinċipju li għandu jiggwida l-politika tal-Gvern dwar x’għandu jkun fl-aħjar interess tat-tfal.
Spjegat li bħalissa hemm madwar 600 tifel u tifla li jinsabu f’out of home care, 350 tifel u tifla li qed jistennew li jiġu assessjati, filwaqt li 60 oħra ġew assessjati u li iżda m’hemmx post fejn jistgħu jitpoġġew.
Il-Ministru Coleiro Preca, faħħret il-care plans integrati kemm ta’ Dar San Ġuzepp kif ukoll tal-Istitut tas-Subien St Patrick’s f’Tas-Sliema li żaret fil-jiem li għaddew. L-Onor. Coleiro Preca qalet li f’dawn iż-żewg Istituti, minkejja li t-tfal jkunu laħqu l-età ta’ 18-il sena, għandhom sistema ta’ half-way house li tgħinhom jintroduċu ruħhom fid-dinja tax-xogħol u jsibu saqajhom.
Temmet tgħid li jeħtieg li nħarsu lejn il-politika soċjali b’mod integrat bil-għan li ninvestu iktar fil-prevenzjoni ħalli nkunu aktar proattivi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en