IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU L-ONOR. KARMENU VELLA JĦABBAR ŻEWĠ INIZZJATTIVI FUQ LIVELL NAZZJONALI U EWROPEW BIL-GĦAN LI L-KUNĊETT TA’ TURIŻMU SOĊJALI F’MALTA JIMXI ’L QUDDIEM U BIEX IS-SETTUR TURISTIKU F’MALTA JSIR AKTAR AĊĊESSIBLI
Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella indirizza konferenza organizzata mill-ACA (Accessibility Culture for All Project) b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu l-MTA fejn kienu diskussa inizzjattivi li jistgħu jiġu adottati bil-għan li titjieb l-aċċessibilità fis-settur turistiku f’Malta b’mod partikolari titjib fl-opportunitajiet ta’ vvjaġġar fejn jidħol turiżmu soċjali.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella semma kif il-kunċett ta’ turiżmu soċjali (social tourism) joħroġ mill-fatt li t-turiżmu huwa esperjenza li għandu jkollu aċċess għaliha kulħadd mingħajr ebda distinzjoni relatatat ma’ età, abbiltajiet fiżiċi, dħul finanzjarju, status u kundizzjonijiet soċjali.
Saħaq li l-esperjenza ta’ vjaġġar għandha tkun faċilitata permezz ta’ mekkaniżmi ta’ investiment li għandhom jittieħdu kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat, b’mod partikolari sabiex titjieb l-aċċessibilità.
Semma’ kif il-politika għall-qasam turistiku f’Malta għas-snin 2012-2016 tirrikonoxxi opportunitajiet għal tkabbir f’setturi ġodda relatati ma’ turiżmu soċjali u saħaq li f’dan ir-rigward se tkun ta’ prijorità għall-gvern li jaħdem ma’ dawk kollha involuti fil-qasam turistiku biex jippromwovi l-kunċett ta’ aċċessibilità għal kulħadd.
Il-Ministru Vella semma’ wkoll kif il-ħidma li qed iwettaq il-gvern flimkien mal-MTA u dawk involuti fsi-settur biex tkun implimentata strateġija li ssaħħaħ il-prodott turistiku Malti, li ttejjeb l-aċċessibilità u li tippromwovi l-gżejjer Maltin qed tħalli riżultati pożittivi, b’din is-sena wkoll mistennija tkun waħda inkoraġġanti ħafna.
F’dan ir-rigward tkellem ukoll fuq proġett tal-Unjoni Ewropea li qed taħdem fuqu l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, u l-pajjiżi tal-Fillandja u l-Kroazja li għandu l-għan li jiżviluppa kultura li tiffaċilita l-kunċett ta’ turiżmu soċjali u aċċessibilità b’mod partikolari għall-persuni b’diżabilità.
Il-proġett iġib l-isem ta’ Facilitating Low Season Exchanges in Europe through the Development of Social Tourism u l-applikazzjoni għalih kienet sottomessa f’Ġunju 2011, bil-Ministru Vella jħabbar li l-Kummissjoni Ewropea diġà kkonfermat li se tkun qed toħroġ parti mill-fondi sabiex dan ikun jista’ jitwettaq.
Fi kliem il-Ministru għat-Turiżmu, dan il-proġett mistenni li jħalli impatt pożittiv fejn jidħlu l-bżonnijiet ta’ kategoriji oħra ta’ gruppi fil-qasam tat-turiżmu soċjali.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Karmenu Vella ħabbar kif fuq livell nazzjonali, se jkun qed iwaqqaf working group bejn il-Ministeri differenti flimkien mal-MTA, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità u ma’ rappreżentanti mis-settur privat biex flimkien jinstabu l-aħjar metodi kif għandhom ikunu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li kienu ppreżentati fl-hekk imsejjaħ accessibility audit. Fi kliem il-Ministru Vella, dan għandu jgħin biex Malta ssir destinazzjoni li tkun aktar orjentata biex tagħti servizz tajjeb lil dan is-settur.
Il-Ministru Vella ħabbar ukoll kif fuq livell Ewropew, se tkun qed issir rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea biex ikunu diskussa u mistħarġa fuq livell Ministerjali possibilitajiet ta’ skambji bejn residenti ta’ Stati Membri differenti.
Matul il-konferenza tnieda wkoll sit elettorniku tal-ACA b’rabta mal-proġett imsemmi.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Josef Formosa Gauci flimkien ma’ membri mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. Attendew ukoll membri mill-pajjiżi parteċipi f’dan il-proġett turistiku.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en