IMNEDIJA T-12-IL EDIZZJONI TAL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAL-LOGĦOB TAN-NAR
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa tal-Italja fil-Belt, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella nieda t-12-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Loghob tan-Nar. Il-festival li huwa organizzat mill-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu huwa meqjus bħala avveniment importanti u uniku fil-gżejjer Maltin fejn kull sena jipparteċipaw numru kbir ta’ kumpaniji pirotekniċi inkluż dawk barranin.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella semma’ kif l-iskop tal-festival din is-sena intlaħaq sew hekk kif se jara l-parteċipazzjoni ta’ 5 kumpaniji barranin li ġejjin minn Spanja, l-Italja, il-Ġermanja u mill-Portugall. Dan minbarra l-parteċipazzjoni ta’ żewġ kmamar tan-nar lokali, dik tal-Karmnu taż-Żurrieq u l-kamra tan-nar tal-Ġilju tal-Imqabba.
Il-Ministru Vella fisser kif dan il-festival jingħaqad mal-kullana ta’ attivitajiet oħra li jsiru b’mod regolari u li jkomplu jkabbru l-isem ta’ Malta. Spjega kif dan iservi wkoll ta’ esperjenza għat-turisti li jkunu għall-btala f’Malta.
Filwaqt li fakkar kif is-sena li għaddiet Malta ospitat symposium internazzjonali dwar il-logħob tan-nar, il-Ministru Karmenu Vella qal li l-Ministeru se jkompli jaħdem biex Malta sservi ta’ ċentru għal dawn it-tip ta’ konferenzi li minnhom infushom jippromwovu t-turiżmu Malti.
Huwa awgura lill-parteċipanti kollha li se jieħdu sehem kif ukoll lill-pubbliku inġenerali għal spettaklu mill-isbaħ.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Josef Formosa Gauci tkellem fuq il-ħidma tal-MTA fejn jidħol reklamar tal-prodott Malti. Semma’ wkoll kif għat-tieni darba dan il-festival mhux se jinżamm biss fil-Port il-Kbir kif tradizzjonalment kien isir fil-passat iżda kienu nklużi wkoll żewġ postijiet oħra li huma l-port ta’ Marsaxlokk u l-bajja t’Għajn Tuffieħa. Fi kliem il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, dan qed isir biex din l-attività tkun tista titgawda minn firxa akbar ta’ nies u turisti.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet Trevor Vella f’isem il-kumitat eżekuttiv spjega kif il-ġurija se tkun komposta minn ħames barranin li lkoll huma intiżi fix-xogħol tal-piroteknika. Il-pubbliku se jkollu wkoll iċ-ċans li jesprimi l-preferenza tiegħu permezz tal-SMS, u li għalih se jkun hemm premju apposta.
Se tkun qed issir ukoll kompetizzjoni fotografika fejn it-turisti se jingħataw l-opportunità li sal-15 ta’ Mejju jtellgħu fuq il-paġna tal-Facebook li nfetħet apposta l-aħjar ritratti li jkunu ħadu tal-ispettaklu, biċ-ċans li jirbħu btala għal żewġ persuni.
Il-festival internazzjonali tal-logħob tan-nar jiftaħ il-Ġimgħa 26 t’April b’wirja piroteknika f’Marsaxlokk filwaqt li l-Ħadd 28 t’April, in-nar se jinħaraq mill-bajja t’Għajn Tuffieħa.
Il-festival jintemm it-Tlieta 30 t’April bi Gran Final fil-Port il-Kbir.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en