STQARRIJA MINISTERJALI TAL-ONOREVOLI PRIM MINISTRU DWAR IL-KUNSILL EWROPEW LI NŻAMM BEJN L-14 U L-15 TA’ MARZU 2013
Sur President,
Bħal ma kienet il-prassi matul l-aħħar leġiżlatura mill-Prim Ministru ta’ qabli, se nkun qed nagħmel stqarrija f’din il-Kamra wara kull Kunsill Ewropew li nattendi bħala Prim Ministru, kif ukoll wara laqgħat oħra multilaterali ta’ rilevanza partikolari.
Din hija l-ewwel okkażjoni, wara s-seduti li matulhom iddiskutejna l-budget għal din is-sena, fejn nista’ nirrapporta dwar ix-xogħol li sar waqt il-Kunsill Ewropew li nżamm fl-14 u 15 ta’ Marzu 2013.
L-għan ewlieni ta’ din il-laqgħa kien li jiddiskuti l-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew ta’ din is-sena u jipprovdi gwida lill-pajjiżi membri fil-preparazzjoni tal-programmi nazzjonali tar-riforma kif ukoll tal-Programmi ta’ Stabbiltà jew Konverġenza għas-sena 2013.
Id-diskussjoni prinċipali kienet dwar it-triq ekonomika u fiskali li trid taqbad l-Unjoni Ewropea. Ħafna kienu qed jistaqsu fejn tinsab f’Malta fit-taqtigħa bejn il-blokk li jrid l-awsterità u l-blokk li jrid miżuri għat-tkabbir ekonomiku.
Il-konklużjonijiet juru li pajjiżna bħal kwazi t-totalità tal-Istati Membri oħra, huma fuq in-naħa tas-sens komun. Fejn it-tkabbir u l-konsolidament fiskali ma jeskludux lil xulxin, imma jmorru flimkien biex l-Ewropa toħroġ mit-taqlib ekonomiku li għaddiet minnu fl-aħħar snin.
Dak li tkellimna dwaru fuq il-livell ekonomiku fl-Ewropa jirrifletti l-mandat li ngħata dan il-Gvern. Ikompli wkoll jibni fuq it-tajjeb li sar mill-Gvern preċedenti biex pajjiżna jżomm l-istabbiltà ekonomika li kellu sal-lum.
Il-messaġġ li qed nibqgħu ngħaddu b’mod konsistenti huwa li l-ekonomija ta’ pajjiżna hija b’saħħtitha u tista’ tissaħħaħ iktar permezz ta’ iktar xogħol ta’ kwalità u iktar nies jaħdmu, inkluż żgħażagħ u nisa. Dan iwassal għal tisħiħ ta’ setturi ekonomiċi li l-Unjoni Ewropea għadha sal-ġurnata tal-lum issostni fuqhom, jiġifieri parteċipazzjoni ikbar fid-dinja tax-xogħol u tisħiħ tal-pensjonijiet.
Fil-ftuħ tal-Kunsill Ewropew il-President Barroso ta preżentazzjoni dwar ‘Tkabbir, kompetittività u xogħol: Prijoritajiet għas-Semestru Ewropew 2013’.
Mil-lat pożittiv, wieħed jista’ jgħid li matul is-sena li għaddiet l-Unjoni Ewropea rnexxielha turi li l-Ewro huwa proġett ħaj li l-Istati Membri lesti li jiddefenduh. Saru riformi f’għadd ta’ pajjiżi fl-Ewropa. Uħud taw il-frott meħtieġ, oħrajn le. Il-figuri li ngħataw mil-lat ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea kienu diżappuntanti. Agħar minn hekk, il-qgħad fl-Ewropa tiela’ għal livelli inaċċettabbli.
Il-President Barroso qal li b’hekk dan il-Kunsill Ewropew kellu jiffoka fuq żewġ temi b’mod partikolari.
i. Il-kompetittività li hija kruċjali biex iddur ir-rota ekonomika u naraw żieda fit-tkabbir.
ii. Il-kwistjoni tal-qgħad, b’enfasi partikolari fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ.
Il-kwistjoni tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija waħda li nemmnu li għandha tiġi indirizzata anke f’pajjiżna, minkejja li s-sitwazzjoni mhijiex fil-livelli ta’ pajjiżi oħra. Nemmen iżda li jekk niffukaw fuq din l-isfida pajjiżna jkollu opportunità jikber iktar.
B’hekk ilqajt bi pjaċir l-enfasi li saret fuq waħda mill-issues ċentrali fil-politika l-ġdida ta’ dan il-Gvern dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ kif kien maqbul fil-Kunsill tat-28 ta’ Frar ta’ din is-sena. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma ċentrali fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ biex jinkisbu iktar ħiliet u jgħaqqdu iktar mad-dinja tax-xogħol. Il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposti tagħha fl-isfond tan-negozjati li qed isir dwar ir-regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew biex l-inizjattiva Garanzija għaż-Żgħażagħ tibda taħdem b’mod effettiv sal-1 ta’ Jannar 2014.
Fl-istess waqt għandha titkompla l-ħidma biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, jitnaqqas il-qgħad fit-tul u naraw li iktar persuni akbar fl-età jibqgħu fl-impjieg jew jerġgħu jibdew jaħdmu.
Ilqajt b’sodisfazzjon ukoll punt ieħor li dan il-Gvern iqisu importanti ħafna għall-għanijiet ekonomiċi ta’ pajjiżna u tal-Unjoni Ewropea. Id-diskussjoni dwar it-tnaqqis tal-burokrazija u regolamentazzjoni żejda hija fuq l-istess linja ta’ ħsieb li biha ġie elett dan il-Gvern. It-tnaqqis tal-piż tar-regolamentazzjoni iwassal għal kompetittività aħjar. Dan kien diskuss anke b’mod partikolari fil-konfront ta’ regolamentazzjoni għan-negozji ż-żgħar. Kien hemm qbil li jkollna simplifikazzjoni tar-regolamentazzjoni fuq bażi ta’ Unjoni Ewropea imma anke fuq bażi nazzjonali.
Dan jimxi id f’id mal-ħsieb ta’ dan il-Gvern li jagħti importanza ta’ Segretarjat Parlamentari li jieħu ħsieb is-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi u jinħatar Kummissarju għas-Simplifikazzjoni Amministrattiva u t-Tnaqqis tal-Burokrazija.
Il-Kunsill Ewropew ħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-programm Ewropew ‘REFIT’ biex tidentifika u tipproponi l-irtirar ta’ regolamenti li mgħadhomx utli u biex tkompli l-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti bħala parti mill-ħidma għas-simplifikazzjoni amminstrattiva fuq livell Ewropew.
Diskussjoni importanti oħra li kellna kienet dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, partikolarment biex l-Unjoni Ewropea ddaħħal salvagwardji aktar serji fuq il-banek. Dan il-Kunsill Ewropew fakkar l-importanza li jinkiser iċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u l-istati. Fl-ewwel semestru tal-2013 għandu jintlaħaq qbil dwar l-assi legati, sabiex jiġi stabbilit mekkaniżmu superviżorju uniku effettiv. Qabel Ġunju tal-2013 irid jintlaħaq ukoll qbil dwar id-direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u d-direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti biex (u qed nikkwota mill-konklużjonijiet ta’ dan is-summit) “jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-pajjiżi ta’ oriġini u dawk ospitanti”.
Forsi ta’ min wieħed jirrimarka hawnhekk, li l-iżviluppi ewlenin dwar il-kriżi Ċiprijotta bdew iseħħu litteralment l-għada li spiċċa s-summit li qed nirraporta dwaru. Għalhekk, ma kienx hemm diskussjoni diretta f’dan ir-rigward.
Madankollu, inħossni li nkun qed nonqos jekk ma nenfasizzax dak li issa ħareġ bl-aktar mod ċar minn rapport tal-Kummissjoni Ewropea stess, jiġifieri li l-qagħda tas-servizzi finanzjarji, b’mod partikolari l-banek, f’pajjiżna hija waħda b’ saħħitha.
Fl-aħħar tad-diskussjoni fil-Kunsill kien hemm qbil dwar l-addozzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u r-regoli ta’ proċedura għas-Summits Ewropej.
Il-Kunsill Ewropew kompla bi preżentazzjoni mir-Renju Unit dwar is-Summit tal-G8 li se ssir fis-17 u 18 ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Il-Kunsill ġie nfurmat li l-G8 se jkun qed jiddiskuti s-sitwazzjoni ekonomika dinjija, tkabbir u xogħol. Fost l-oħrajn se jiġu diskussi wkoll kwistjonijiet relatati mat-terroriżmu.
Wara dan ġew diskussi r-relazzjonijiet politiċi u strateġiċi tal-Unjoni Ewropea mar-Russja.
Fuq talba tar-Renju Unit u Franza, ingħata overview tal-kwistjoni tal-embargo tal-armi fuq is-Sirja.
Summit taz-Zona Ewro
Matul dan il-Kunsill Ewropew, bejn sessjoni tal-Kunsill u oħra, sar ukoll Summit għall-pajjiżi membri fiż-żona Ewro. Dan sar biex jittieħed kont tas-sitwazzjoni ekonomika fiż-żona Ewro. Saret preżentazzjoni mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Mario Draghi li tkellem dwar il-produttività fiż-żona Ewro.
Wieħed irid jgħid li hemm bżonn ta’ koerenza akbar fil-prioritajiet li jiġu deċiżi mill-Unjoni Ewropea. Dan il-bżonn qed jinħass ħafna aktar f’dawn l-aħħar żminijiet.
Laqgħat ta’ korteżija
Peress li din kienet l-ewwel żjara tiegħi bħala Prim Ministru waqt Summit Ewropew iltqajt mal-Presidenti rispettivi tat-tliet istituzzjonijiet Ewropej, Martin Schulz President tal-Parlament Ewropew, Jose Manuel Barroso President tal-Kummissjoni Ewropea u mal-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en