STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U T-TIBDIL FIL-KLIMA
‘Il-Gvern jippreferi joqgħod fuq l-istħarriġ li ser isir mill-Management Efficiency Unit dwar dak kollu li sar fil-Family Park ta’ Marsaskala’ – Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima jgħid li m’għandu ebda ħsieb li jaqa’ fin-nassa ta’ polemiċi negattivi dwar il-validita’ tal-Park tal-Familja f’Marsaskala.
Dan speċjalment wara li nhar is-Sibt il-Ministru Leo Brincat innifsu fil-preżenza tal-mezzi tax-xandir qal li mal-proġett bħala kunċett jaqbel u li ser jgħamel minn kollox biex dan jitħaddem bi pjan ta’ immaniġġjar integrat, xi ħaġa li illum għad m’għandux dan il-park.
Il-Ministeru jgħid li billi ma kien hemm ebda ċaħda tal-fatt li sa xahrejn wara l-ftuħ uffiċjali tal-Park tal-Familja għad baqa bosta xogħlijiet xi jsiru, li skont uffiċjali tal-WasteServ stess, li kienu preżenti s-Sibt, ikkonfermaw li għad baqalhom mill-anqas xahrejn oħra biex jitkomplew, f’dawn iċ-ċirkustanzi l-Gvern jippreferi joqgħod fuq l-istħarriġ li ser jsir mill-Management Efficiency Unit, l-MEU dwar dak kollu li sar, missu sar u kif sar mill-bidu tal-proġett sal-lum.
Sadanittant, il-Ministeru jibqa konvint li l-persuni kwalifikati tar-Review Team li ħatar, biex jiġu analizzati l-aspetti ta’ saħħa ambjentali marbutin mat-twaqqif u t-tmexxija tal-impjant ta’ Sant Antnin, mhux biss jistgħu jagħtu l-frott iżda jistgħu wkoll joħorgu b’suġġerimenti prattiċi fejn possibli għall-ġejjieni.
Dwar koperazzjoni bejn Ministeru u ieħor kullħadd għandu jserraħ rasu li dan il-Gvern m’għandu ebda ħsieb li jħalli li jiġrilu bħall-ħaddieħor bħal fil-kaz tal-proġett ta’ Triq Bisazza f’Ta’ Sliema, bl-id il-leminja ma tafx x’inhi tagħmel l-id ix-xellugija.
Intant dwar stqarrija oħra maħruga mill-Partit Nazzjonalista, il-Ministeru jgħid li l-Ministru Leo Brincat huwa ferm konxju ta’ fejn jibdew u jispiċċaw ir-responsabilitajiet tal-MEPA, tal-WasteServ u tal-Ministeru fejn għandhom x’jaqsmu l-kwistjonijiet kollha marbutin mal-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, inkluż dwar min għandu ir-responsabilta’ regolatorja.
Meta l-Ministru Brincat tkellem dwar free for all fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart kien qed jindirizza lil min għandu d-dmir regolatorju li jara li l-affarijiet jsiru kif suppost.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en