IL-GVERN SE JAGĦMEL STUDJU KIF ITEJJEB IS-SITWAZZJONI TAL-VISAS – IL-MINISTRU GEORGE VELLA
Il-Gvern se jagħmel studju dwar kif tista’ titjieb is-sistema tal-ħruġ tal-visas għal Malta. F’laqgħa li kellu dalgħodu mal-GWU, il-Ministru tal-Affariiet Barranin George Vella qal li “l-ħruġ tal-visas hija problema li spikkat u għalhekk se nagħmlu studju dwar kif intejbu din is-sitwazzjoni”. Il-Ministru Vella qal li waqt li kull każ huwa uniku, bħala gvern irid jara kif itejjeb is-sitwazzjoni, speċjalment f’każi umanitarji.
Fil-laqgħa kienu diskussi bosta temi li l-GWU ħasset li kellha tqajjem mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, fosthom il-kwestjoni ta’ ħaddiema barranin f’Malta, l-aktar dawk li huma ħaddiema fil-prekarjat li ħafna minnhom ikunu daħlu Malta illegalment. Tony Zarb qal li l-GWU qed tipproponi li l-ETC jkollha unit speċjali dwar ħaddiema barranin ħalli dan il-qasam ikun ukoll regolat. Il-Union tħoss li kull min jaħdem hawn Malta għandu jikkontribwixxi lill-istat u barra minn hekk tkun indirizzata l-problema tal-prekarjat u d-drittijiet tal-ħaddiema.
Il-Ministru tal-Affarijiet barranin qal li l-gvern Malti se jagħmel pressjoni akbar fuq l-Unjoni Ewropea biex tattwa fil-fatt il-prinċipju tas-solidarjetà għaliex Malta ma’ tistax iġġor weħidha l-problema tal-immigrazzjoni illegali. “L-Istati Uniti qed jieħdu iktar refuġjati minn Malta milli jieħdu l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea” qal il-Ministru Vella u hu għalhekk li l-gvern irid jara kif iżid il-pressjoni fuq l-istati membri ħalli jgħinu f’din il-pjaga li m’hijiex biss problema ta’ Malta imma problema tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Il-GWU taqbel ħafna mal-istrategija tal-gvern il-ġdid fir-rigward ta’ kif l-Ambaxxati tagħna f’pajjiżi differenti għandhom jintużaw aħjar bħala vetrina ta’ pajjiżna ħalli jsir l-aħjar użu biex ikun attirat aktar investiment u xogħol lejn Malta. Il-Ministru George Vella saħaq li dan il-gvern se jiffoka fuq economic diplomacy.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en