730 PERSUNA JGĦIXU FI STRUTTURI PERIKOLUŻI TAL-GVERN
Dalgħodu, l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onorevoli Marie-Louise Coleiro Preca, insistiet li l-Awtorità tad-Djar trid tassigura li jsir xogħol tajjeb f’akkomodazzjonijiet tal-Gvern imħallsa mit-taxxi tal-poplu.
Dan għaliex bħalissa hawn 730 persuna tgħix fi strutturi perikoluzi, liema lista ta’ persuni tmur lura għas-sena 2004.
Hija qalet dan meta żaret appartament tal-Gvern li jagħmel parti minn Blokk B fi Triq l-Argotti l-Furjana u li f’dawn l-aħħar xhur ingħata lil mara anzjana ta’ 89 sena.
L-anzjana ngħatat din l-akkomodazzjoni f’Settembru li għadda wara li l-post li kienet tgħix fih ma kienx abitabbli.
Iżda l-post il-ġdid li ngħatat fil-Furjana b’kera, għandu nuqqasijiet bażiċi fosthom pajp tal-gass jillikja, sink tal-kamra tal-banju miksur u tieqa ma tingħalaqx, bl-akbar dizastru jkun fil-bitħa, fejn parti mill-ħajt lanqas biss huwa mkaħħal u miksi u għalhekk l-knatan jistgħu jaqgħu minn ħin għall-ieħor.
Sitwazzjoni simili teżisti fi Blokk t’appartamenti fi Strada Merkanti l-Belt Valletta bi problemi bl-ilma tat-tank u bis-sistema tad-drenaġġ.
Dan filwaqt li hemm kważi 3,000 persuna tistenna biex tingħata akkomodazzjoni soċjali.
Ma jistax ikun, qalet il-Ministru, li dawn it-teething problems jibqgħu jippersistu għal faxxa tas-soċjetà f’pajjiżna, li hija l-iktar vulnerabbli.
Permezz ta’ pjan ħolistiku u fit-tul, il-Gvern se jkun qed jindirizza dawn in-nuqqasijiet biex il-persuni l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna verament ikunu fiċ-ċentru tal-politika soċjali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en