FESTIVAL LI JAGĦTI GIEĦ LIL BELT ANTIKA
Dalgħodu s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Kunsilli Lokali Dr. José Herrera indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie varat il-Festival Medjevali tal-Imdina. Dan il-Festival ser ikun qed isir bejn it-13 u l-14 t’April.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dan il-Festival sar okkażjoni mistennija għall-kalendarju kulturali u turistiku. “Il-preżenza tiegħi hawnhekk hija turija ta’ kemm il-Gvern japprezza dawn l-inizjattivi u fil-ħames snin li ġejjin ser issaħħahom”, tenna José Herrera. Huwa qal li l-Imdina għandha karattru li ma ssibu mkien u għalhekk il-Medieval Festival huwa okkażjoni unika biex il-karattru ta’ din il-Belt jissaħħah. Dr. Herrera tenna li attività bħal ta’ tmiem il-ġimgħa torbot żewġ dekasteri li jaqgħu taħtu: il-kultura u l-Kunsilli Lokali. Huwa qal li din l-attività tixpruna wkoll lit-turiżmu u għalhekk il-Gvern determinat li jsaħħahom.
Il-Festival Medjevali ser jiġi organizzat mill-ġdid għall-ħames sena konsekuttiva ġewwa t-toroq u l-pjazez tal-Belt tal-Imdina. Matul dawn il-jumejn wieħed jista’ jsib re-enactments minn gruppi barranin u lokali, mużika medjevali, sbandieratori, illużjonista, jester, falkunerija u tjur tal-priża, lectures, kunċerti, ikel u xorb, suq u kċina medjevali u żona għat-tfal.
Il-popolarità ta dan il-Festival hija evidenti mill-għadd ta' nies li żaru l-Festival fis-snin ta’ qabel, qal is-Segretarju Parlamentari. Il-Festival iservi wkoll bħala skambju kulturali bejn it-talent lokali u dak barrani kif ukoll jgħin għat-tkabbir fl-għarfien dwar il-patrimonju ta’ pajjiżna fi żmien medjevali. Huwa wkoll mezz interattiv ta’ kif twassal, lit-tfal kif ukoll lill-adulti, l-istorja tal-Belt tal-Imdina.
Is-Sindku tal-Imdina s-Sur Peter Dei Conti Sant Manduca qal li matul il-Festival dawn il-gruppi u atturi ser ikunu qegħdin jesebixxu fit-toroq u l-pjazez tal-Imdina f’battalji, ġlied bix-xwabel, re-enactments ta’ xeni mil-Perjodu Medjevali bħall-Bandu, suq tal-iskjavi, kċina u taverna Medjevali, sparar bil-qaws, titjiriet bl-għasafar tal-priża, sbandieratori, parati, mużika eċċ.
L-attrazzjonijiet turistiċi ser ikunu qegħdin jestendu l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom u joffru roħs fil-prezzijiet tal-entratura. Numru ta' wirjiet qed jiġu organizzati f’diversi kappelli u postijiet oħra ta' interess li permezz tagħhom l-isbuħija arkitettonika tal-post tiġi esposta aktar.
Preżenti għal din il-Konferenza tal-Aħbarijiet kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport, Markus Klaushofer. Huwa qal li din hija t-tielet edizzjoni konsekuttiva li l-Ajruport Malti se jkun qed jappoġġja l-Festival Medjevali tant popolari. Huwa qal li “din l-attività hija importanti mill-aspett kulturali iżda wkoll mill-aspett turistiku, għaliex toħloq prodott dwar il-folklor u t-tradizzjoni li jtejjeb l-offerta turistika tal-gżejjer Maltin.” Is-Sur Klaushofer temm billi faħħar il-mod kif l-Imdina hija miżmuma tajjeb ferm u dan jagħmilha l-post ideali għal Festival bħal dan.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en