MALTA BĦALA DESTINAZZJONI INTERNAZZJONALI GĦALL-EDUKAZZJONI
Il-Prim Ministru Joseph Muscat, flimkien mal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, iltaqa’ ma’ delegazzjoni mill-kumpanija Ingliża INTO dwar il-possibilità ta’ kollaborazzjoni biex Malta ssir destinazzjoni internazzjonali għall-edukazzjoni għolja, bil-prijorità tingħata lill-edukazzjoni terzjarja.
Il-kumpanija INTO twaqqfet fl-2005 u tispeċjalizza fi ftehim ta’ sħubija ma’ universitajiet ewlenin madwar id-dinja bil-ghan li jiżdied in-numru ta’ studenti fil-qasam edukattiv. Sa llum żviluppat mat-tmintax-il ftehim ma’ universitajiet fir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Asja. Iċ-ċentri tagħha jippreparaw lill-istudenti għal degrees universitarji u għal studji postgraduate f’dixxiplini differenti relatati mal-mediċina, management, finanzi u żvilupp ekonomiku.
Waqt il-laqgħa ta’ dalgħodu, il-Ministru Evarist Bartolo qal li inizjattivi edukattivi ġodda jistgħu jikkumplimentaw l-istituzzjonijiet preżenti bħall-Università ta’ Malta, l-MCAST u l-ITS. Ġie diskuss ukoll il-bżonn li jiġu esplorati korsijiet ġodda għall-istudenti Maltin u barranin. Il-Ministru Bartolo qal li ż-żieda fin-numru ta’ korsijiet offurti f’Malta tippermetti aktar għażla għall-istudenti Maltin u inċentiv għall-barranin biex jiġu jistudjaw Malta. Iż-żieda fin-numru tal-korsijiet twassal ukoll għal aktar studenti li jagħżlu li jidħlu fl-edukazzjoni terzjarja.
Iċ-chairman tal-INTO Andrew Colin qal li miljuni ta’ studenti madwar id-dinja qed ifittxu esperjenzi ġodda u Malta tista’ tkun kandidata b’saħħitha biex tattira lejha dawn l-istudenti. Colin qal li Malta trid tħares ’il bogħod mill-korsijiet dwar il-lingwa Ingliża għaliex l-edukazzjoni terzjarja tista’ tkun settur li jikkontribwixxi għall-ekonomija Maltija.
Dan il-proġett huwa mmirat biex, skont il-mandat elettorali li għandu, il-gvern jippromwovi lil Malta bħala l-post ideali biex universitajiet barranin u ċentri ta’ eċċelenza internazzjonali jinvestu f’pajjiżna. Il-gvern huwa lest jitkellem ma’ kull min hu interessat f’dan il-proġett.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, il-Ministru għas-Saħħa Godfrey Farrugia u l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en