STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI
Kxif ta’ abbuż serju fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin
Żjara għall-għarrieda mill-Ministru Għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia fil-Faċilità Korettiva ta' Kordin wasslet għal kxif t'abbuż serjissimu.
Kien il-bieraħ il-Ħadd 7 ta' April fis-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija li l-Ministru Mallia għamel din iż-żjara mingħajr m’avża lid-direzzjoni tal-Faċilità. Hemmhekk sab erba’ uffiċjali għassiesa li kienu suppost għax-xoghol, f’xift li jispiċċa fid-disgħa ta’ filgħaxija, meta fil-fatt kienu d-dar.
Fil-faċilità hemm punch clock imma ta' spiss ma jintużax. Meta l-Ministru staqsa għax din is-sitwazzjoni kienet qed tiġri, u jekk kinitx ilha qed tiġri, r-risposta kienet li dan l-abbuż ilu għaddej żmien twil u li kieku kien fost il-ġimgħa l-ammont ta’ uffiċjali nieqsa kien ikun ta’ sebgħa jew tmienja. Intqal lill-Ministru Mallia li saħansitra ġieli kien hemm uffiċjali li jmorru d-dar fis-siegħa ta' wara nofsinhar minflok fid-disgħa ta' filgħaxija, iġifieri tmien sigħat qabel il-ħin.
Dan huwa każ serju għaliex qed iseħħ f'post ta' sigurtà nazzjonali fejn jista’ jinqala inċident u l-uffiċjali li suppost ikunu għax-xogħol, imħallsin minn flus il-poplu, jkunu d-dar. Il-Ministru immedjatament talab lid-Direttur tal-Faċilità għal spjegazzjoni imma d-Direttur wieġeb li ma kienx jaf li hemm dan l-abbuż għaddej.
Għalhekk il-Ministru ordna investigazzjoni immedjata permezz tas-Segretarju Permanenti biex min jirriżulta li abbuża jrodd lura dak li ngħata meta skarta mill-post tax-xogħol. Il-ktieb tal-attendenza ġie ssiġillat biex jinfetaħ mis-Segretarju Permanenti kif jibda jinvestiga l-każ.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en