IL-POLITIKA TAL-GVERN IL-ĠDID FAVUR IL-ĦARSIEN TAL-KONSUMATURI
Il-Gvern huwa kommess sabiex matul din il-leġislatura jaħtar Ombudsman biex jinvestiga l-ilmenti tal-investituri, kif ukoll disputi bejn investituri u istituzzjonijiet finanzjarji. Dan qalitu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, meta kienet qed tindirizza l-ewwel minn sensiela ta’ seminars organizzati mill-Awtorita` Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, bħala parti minn kampanja informattiva dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur li qed torganizza din l-Awtorita`.
Il-Ministru Dalli qalet ukoll li l-Gvern se jkun qed jintroduċi Charter li se jservi ta’ gwida biex jitħarsu l-interessi tal-investituri ż-żgħar, b’mod speċjali tal-investituri b’anqas esperjenza u aktar vulnerabbli. Charter ieħor se jkun qed jiddaħħal għad-drittijiet tal-klijenti tal-banek. Dr Dalli qalet li “l-Gvern irid jgħin lil min għandu bżonn għajnuna fl-użu ta’ servizzi bankarji sabiex ma jkunx hemm abbużi bħal pereżempju dawk ta’ spejjeż moħbija, u l-għoti ta’ gwida lil min se jissellef sabiex dan ikun jaf eżatt x’responsabbiltajiet dieħel għalihom”.
Il-Ministru Dalli semmiet l-inizjattivi li ħadet l-Awtorita` Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fl-aħħar snin. Hi żiedet li l-Gvern hu kommess li jkompli jibni fuq it-tajjeb li sar. Hi żiedet tgħid li hemm bżonn li jiżdiedu r-riżorsi umani tal-Awtorita` sabiex din tkun tista’ ttejjeb l-operat tagħha, l-aktar fl-oqsma tar-riċerka u tas-sorveljanza tas-suq.
Dr Dalli tkellmet ukoll dwar l-importanza li jkun hawn relazzjonijiet b’saħħithom bejn il-bejjiegħa u l-klijenti. Filfatt l-Awtorita` għandha l-iskema TRUST YOU li twaqqfet sabiex tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejn il-konsumatur u min ibiegħ. Permezz ta’ din l-iskema l-Awtorita` qed tipromwovi prattiċi ta’ negozju li huma ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi, kif ukoll għan-negozji nfushom. Dr Dalli qalet li inizjattivi bħall-iskema TRUST YOU joffru gwadann kemm għall-konsumaturi, kif ukoll għan-negozji għaliex hija ħaġa naturali li n-nies, meta jieħdu deċiżjoni dwar xiri ta’ prodott jew servizz, se jmorru għand min jafdaw. Meta kienet qed titkellem dwar dan, il-Ministru Dalli żiedet tgħid li l-Gvern għandu l-ħsieb li jagħti rikonoxximent lin-negozji li jadottaw l-aħjar prattiċi favur il-konsumatur. Il-Gvern se jkun qed jipromwovi dawn il-prattiċi tajba kemm mal-komunita` kummerċjali, kif ukoll mal-konsumaturi. Dan se jsir, fost l-oħrajn, billi l-Awtorita` tkun eqreb tal-poplu permezz ta’ information kiosks f’żoni kummerċjali.
Aktar tagħrif dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumaturi u l-bejjiegħa, kif ukoll informazzjoni dwar l-iskema TRUST YOU, jista’ jinkiseb mill-Awtorita Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq 2395 2000 jew permezz ta’ email fuq info@mccaa.org.mt.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en