NINDIRIZZAW L-ISFIDI DWAR IS-SIGURTA TAL-CLOUD COMPUTING
Il-Cloud users iridu jużaw cloud provider li jagħti garanzija li jħares il-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, filwaqt li l-cloud providers għandhom ir-responsabbilta` li jħarsu din il-leġislazzjoni biex jiżguraw kunfidenzjalita` u trasparenza.
Dr Dalli kienet qed titkellem waqt seminar għall-professjonisti legali organizzat minn Microsoft Malta dwar l-implikazzjonijiet u l-isfidi tas-sigurta` tal-cloud computing.
Cloud computing huwa l-kunċett li permezz tiegħu taħżen id-data u l-informazzjoni personali tiegħek jew tal-kumpanija tiegħek fuq kompjuter ta’ ħaddieħor. Hemm kumpaniji li joffru s-servizzi tal-cloud kemm lil persuni individwali, kif ukoll għan-negozji. Dawn il-kumpaniji jistgħu jżommu ħlas għall-użu ta’ dan l-apparat jew programmi tal-kompjuter, li huma joffru għall-użu tal-konsumatur. Kumpaniji oħra joffru dan is-servizz lill-pubbliku mingħajr ħlas.
Filwaqt li l-cloud computing għandu bosta benefiċċji, fosthom anqas spejjeż għall-kumpaniji, hemm diversi sfidi relatati mas-sigurta` li għandhom ikunu indirizzati meta individwi jew kumpaniji jikkunsidraw li jmexxu informazzjoni u dokumenti sensittivi fuq sistemi ta’ clouds pubbliċi jew shared.
Il-Ministru Dalli qalet li “l-impenn tal-Gvern hu li l-cloud users f’Malta jkunu jistgħu jserrħu rashom li min jiprovdilhom is-servizzi tal-cloud jipproteġi d-data personali tagħhom b’mod effiċjenti u trasparenti, b’konformita` mal-istandards tal-protezzjoni tad-data Ewropea”. Hi rreferiet għad-Direttiva tal-EU dwar il-protezzjoni tad-data u għall-‘Opinjoni’ ppubblikata mill-Article 29 Data Protection Working Party, li huwa korp konsultattiv indipendenti dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, magħmul mill-European Data Protection Supervisor u l-Kapijiet tal-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Data, inkluż il-Kummissarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data Malti.
Dr Dalli tkellmet dwar il-ħtieġa li l-cloud users jimxu mad-Direttiva tal-UE u jikkonsultaw din l-‘Opinjoni’, li t-tnejn li huma jistgħu jigwidawna fuq din l-issue.
Ms. Adrianna Zammit, Country Manager ta’ Microsoft Malta, qalet li “l-Microsoft, bħala mutur prinċipali tat-teknoloġija tal-cloud computing, trid tagħmel parti importanti biex tagħti sapport lil din il-pjattaforma ġdida ta’ komunikazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ dan is-seminar għall-professjonisti legali huwa skont il-politika tagħna li nipromwovu s-sigurta` fl-użu tal-cloud computing”.
Is-seminar kien indirizzat fost l-oħrajn minn Dr. Jochen Engelhardt, Direttur Legali ta’ Microsoft fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en