SENA REKORD TA’ ATTIVITÀ FIL-BORŻA TA’ MALTA B’AKTAR MINN €900 MILJUN F’BEJGĦ TA’ STOCKS, BONDS U SHARES
Aktar minn 72,000 investitur lokali Malta reġistrati mal-Borża ta’ Malta
L-2010 kienet sena rekord għal ħruġ ta’ strumenti finanzjarji ġodda fejn ħarġu ħmistax-corporate bond kif ukoll tnax-il Stock tal-Gvern. Dan huwa l-akbar numru ta’ listings ġodda f’sena waħda minn mindu bdiet topera l-Borża fl-1992. Il-valur mal-ħruġ ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji kien ta’ l fuq minn €904 miljun, żjieda ta’ aktar minn €100 miljun meta’ mqabbel mal-valur tal-ħruġ fuq is-suq primarju fis-sena ta’ qabel.
Dan ħareġ waqt żjara u konferenza tal-aħbarijiet li l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment Tonio Fenech għamel fil-Borża ta’ Malta. Huwa ddeskriva dan ir-riżultat bħala sinjal doppju ta’ fiduċja fl-ekonomija u l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż. Dan għaliex in-numru ta’ bonds privati juri attività qawwija mis-settur privat, speċjalment f’dak li huwa investiment f’proġetti kapitali ta’ ċertu daqs. Fl-istess waqt, ifisser ukoll li t-talba għal dawn il-bonds minn investituri Maltin, kbar u żgħar kienet waħda b’saħħitha, li jikkonferma li dawn iqisu investiment f’pajjiżna bħala wieħed li joffri sigurtà akbar.
Ma’ dawn il-figuri jiżdiedu wkoll il-ħruġ tal-Bills tat-Teżor li matul l-2010 laħaq valur ta’ €1.3 biljun. Għalkemm il-listings ġodda laħqu valur ta’ €904 miljun, it-talba għal dawn l-istrumenti finanzjarji kienet sostanzjalment ikbar. L-aħħar ħruġ ta’ l-istocks tal-Gvern, per eżempju, it-talba mill-pubbliku kienet ta’ €53 miljun aktar mill-valur tal-ħruġ inkluż l-over allotment. Dan l-interess fl-istocks tal-Gvern jidher li kompla wkoll matul din is-sena. Fil-fatt, l-ewwel ħruġ ta’ l-2011, propju ftit tal-ġimgħat ilu, ittieħed l-ammont kollu, jiġifieri, €200 miljun, li jinkludi €80 miljun over-allotment. Minn dawn, €108 miljun ittieħdu minn 6,000 investituri żgħar (retail clients), waqt li l-bqija ttieħdu minn istituzzjonijiet.
Riżultat anke tal-istrument kollha ġodda li qed joħorġu fis-suq qed naraw firxa dejjem ikbar ta’ investituri li huma interessati fi strumenti finanzjarji kkwotati fuq il-Borża. Matul l-2010 fil-fatt rajna żieda sostanzjali ta’ investituri li daħlu fis-suq primarju. Fl-aħħar ta’ l-2010 fil-fatt fis-Central Securities Depository kien hemm irreġistrati iktar minn 72,000 investitur li għandhom bilanċi fi strument finanzjari kkwotati, maqsumin bejn entitajiet finanzjarji, entitajiet oħra, il-Gvern u l-pubbliku ġenerali.
Iċ-Chairman tal-Borża ta’ Malta, Arthur Galea Salamone spjega li r-riżultati finanzjari tal-Borża għas-sena 2010 ukoll kienu pożittivi ħafna. Matul l-2010 l-Borza għamlet qliegħ qabel it-taxxa ta’ €1.7 miljun, żjieda ta’ €0.5 miljun fuq il-qliegħ irreġistrat għas-sena ta’ qabel. Waqt l-istess konferenza huwa ħabbar li l-Borza u Clearstream Banking SA bdew jaħdmu fuq proġett teknoloġiku biex issir link bejniethom biex isir iżjed faċli li strumenti finanzjarji kkwotati fuq il-Borża ta’ Malta jiġu negozjati cross-border permezz ta’ din il-konessjoni li tipprovdi servizzi ta’ clearing u settlement. Din il-link hija meqjusa bħala importanti ħafna biex investituri u Issuers barranin ikun jistgħu jidhlu fis-suq.
Il-Ministru Fenech għalaq billi rringrazzja liċ-Chairman tal-Borża Arthur Galea Salamone, lill-Kap Eżekuttiv Eileen V. Muscat u lill-ħaddiema kollha tal-Borża ta’ Malta għall-impenn u l-ħidma tagħhom li qed jagħtu l-frott fir-riżultati li kienu preżentati llum.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en