KONFERENZA MILL-ONOR. HELENA DALLI, MINISTRU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI, AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR U LIBERTAJIET ĊIVILI, DWAR L-EMENDI FL-ATT TAŻ-ŻWIEĠ SABIEX JITNEĦĦEW OSTAKLI LEGALI GĦAL PERSUNI TRANSGENDER
Il-Gvern laħaq ftehim ma’ Ms. Joanne Cassar sabiex din twaqqa’ l-każ tagħha kontrih quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, ħabbret ukoll li ser tiġi ppreżentata fil-Parlament emenda fl-Att taż-Żwieġ (Kapitolu 225).
Dan se jkun qed iseħħ wara li fiż-żmien li ġej se jkun qed jiġi emendat Artikolu 8 ta’ dan l-Att sabiex persuni li qabel ma japplikaw għall-pubblikazzjoni tat-tnedijiet taż-żwieġ ikunu bidlu s-sess li twieldu bih (gender reassignment), ma jsibux diffikultajiet minn naħa tad-Direttur tar-Reġistru Pubbliku biex jinħarġilhom iċ-ċertifikat tat-tnedijiet.
Dr Dalli qalet li dan il-ftehim intlaħaq wara numru ta’ laqgħat bejn il-Gvern, l-Avukat Ġenerali, u Ms. Cassar, li kienet rappreżentata mill-avukat tagħha Dr David Camilleri. Il-Gvern laħaq ftehim ukoll ma’ Ms. Cassar dwar kumpens finanzjarju għall-ispejjeż li ġarrbet fil-kawża li fetħet.
Dan seħħ fl-isfond tal-wegħda elettorali tal-Partit Laburista li Gvern ġdid ser ikun fuq quddiem nett biex jimplimenta u jilleġisla favur aktar drittijiet u libertajiet ċivili. Dr Dalli żiedet tgħid li din l-emenda fl-Att taż-Żwieġ imissha ilha li daħlet fis-seħħ. Hi qalet li jiddispjaċieha ħafna li Ms. Cassar kellha tgħaddi minn dak li għaddiet biex tiġġieled għad-dritt tagħha.
Il-Ministru Dalli qalet ukoll li matul din il-leġislatura l-Gvern se jkun qed iressaq abbozz ta’ liġi li tirregola l-identifikazzjoni tal-persuni trans-gender.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en