STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Jinħatar Bord ġdid tal-MEPA
Il-Perit Vincent Cassar huwa ċ-Chairman il-ġdid tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u Ippjanar (MEPA).
Il-Perit Cassar huwa arkitett veteran irrispettat, li sal-lum kien jokkupa l-kariga ta' President tal-Kamra tal-Periti. Huwa għandu karriera twila fis-Servizz Pubbliku fejn serva, fost l-oħrajn, bħala Segretarju Permanenti tal-Ministeru tax-Xogħlijiet bejn l-2004 u 2008, meta mbagħad irtira mis-servizz.
L-għarfien tal-Perit Cassar kemm tas-settur privat kif ukoll dak pubbliku, ir-rwol tiegħu fit-tmexxija tal-Kamra tal-Periti, l-għarfien ta' żvilupp sostenibbli u l-prijoritajiet ambjentali, kif ukoll il-moderazzjoni li huwa magħruf għaliha, għandhom ikunu elementi importanti għal bidla fid-direzzjoni tal-MEPA.
Il-Perit Cassar se jkun ukoll involut fil-proċess li bih il-funzjonijiet tal-ippjanar u tal-ambjent jinqasmu skont il-mandat elettorali tal-Gvern.
Iż-żewġ Viċi Chairmen, li għandhom kuntratt definit stabilit mil-liġi, se jkomplu bil-mandat tagħhom.
Il-Gvern ħass ukoll li minkejja li kien ikkommetta ruħu li rappreżentant tal-organizzazzjonijiet ambjentali jingħata post fuq il-bord biss wara l-bidliet imsemmija, dan l-iżvilupp għandu jidħol fis-seħħ mal-ewwel. Kien għalhekk li l-għaqdiet ambjentali ntalbu shortlist ta' persuni li għandhom jiġu kkunsidrati biex jaġixxu ta' rappreżentanti tagħhom, u li minnha setgħet tingħażel persuna.
Sabiex jagħmel tajjeb għal fatt li l-Bord tal-MEPA ma ltaqax għal dawn l-aħħar ġimagħtejn, fiż-żmien li ġej il-Bord se jiltaqa’ darbtejn fil-ġimgħa.
Il-lista sħiħa tal-membri tal-Bord tal-MEPA hija din:
Chairman: Perit Vincent Cassar
Viċi Chairman: Perit Franco Montesin
Perit: Sandra Magro
Membri:
-Paul Apap Bologna (Direttur ta' kumpanija ta' importazzjoni)
-Charlo Camilleri (Dipartiment tal-Agrikultura)
-Prof Victor Axiaq (Xjenzat, ambjentalista, lecturer fl-Università)
-Ray Camilleri (Dipartiment tal-Artijiet)
-Dr Veronique Dalli (Avukat)
-Matthew Pace (Konsulent Finanzjarju)
-Dr Timothy Gambin (Lecturer fl-Università, Arkeologu u Ambjentalist)
-Dr Joseph M. Sammut MP (Rappreżentant tal-Gvern)
-Alex Vella (Rappreżentant tal-NGOs ambjentali u membru tar-Ramblers' Association)
-Angele Zammit (Direttur ta' kumpanija barranija f' pajjiżna)
- Dr Ivan Tabone (Transport Malta)
Nota: L-Oppożizzjoni se tkun qed tikkommunika l-isem tar-rappreżentant tagħha wara l-elezzjonijiet każwali ta' din il-ġimgħa.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en