NSAĦĦU L-VUĊI TAT-TFAL TAGĦNA
F’laqgħa li saret bejn il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Marie-Louise Coleiro Preca u l-Kummissarju għat-Tfal Helen D’Amato ġew diskussi numru ta’ kwistjonijiet fejn jidħlu t-tfal tagħna.
Il-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-gvern huwa impenjat sabiex jagħti aktar vuċi lit-tfal tagħna għaliex it-tfal huma prijorità fl-aġenda tal-gvern.
Semmiet kif il-vuċi tat-tfal trid tissaħħaħ fil-Qorti tal-Familja fejn il-ġudikant jisma’ x’għandhom xi jgħidu t-tfal qabel ma tittieħed deċiżjoni li tinvolvi lilhom stess.
Marie-Louise Coleiro Preca spjegat kif il-Ministeru tagħha se jkun qed jara li jkun hemm tisħiħ fl-uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ħalli tabilħaqq it-tfal jkollhom vuċi b’saħħitha fis-soċjetà tagħna.
Il-Ministru saħqet kif se tkun qed taħdem sabiex tintroduċi liġi komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal, bil-għan li nassiguraw il-protezzjoni sħiħa tat-tfal.
Il-Ministru elenkat kif il-gvern huwa kommess li jdaħħal il-vot għal persuni ta’ sittax-il sena fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali.
Dan huwa parti minn pjan tal-gvern li jisma’ aktar x’għandhom xi jgħidu t-tfal Maltin u Għawdxin.
Marie-Louise Coleiro Preca spjegat kif il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali se jkun ħolqa biex tiġi kordinata l-ħidma mal-entitajiet kollha li jaħdmu fil-qasam soċjali mat-tfal.
Fil-laqgħa mal-Kummissarju għat-Tfal, il-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca tkellmet ukoll dwar kif se tkun qed tindirizza kwistjonijiet li jiġu affetwati minnhom it-tfal, fosthom il-care orders u l-fostering.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en