IS-SOĊJETÀ FILARMONIKA LEONE TAR-RABAT GĦAWDEX TNIEDI L-PROGRAMM TA’ ĊELEBRAZZJONIJIET FL-OKKAŻJONI TAL-150 SENA MIT-TWAQQIF TAGĦHA F’KONFERENZA TAL-AĦBARIJIET KONĠUNTA MAL-MINISTERI TAT-TURIŻMU, DAK T’GĦAWDEX U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA U
Imniedi l-programm ta’ ċelebrazzjonijiet mis-Soċjetà Filarmonika Leone tar-Rabat Għawdex fl-okkażjoni tal-150 sena mit-twaqqif tagħha bħala l-ewwel banda Għawdxija.
L-attivitajiet jibdew fis-26 t’April b’open weekend fis-sede tas-Soċjetà fi Triq ir-Repubblika fir-Rabat Għawdex u jibqgħu sejrin sal-ewwel ġimgħa ta’ Novembru, bil-qofol jintlaħaq fit-12 t’Ottubru fejn dakinhar se tkun qed tittella’ l-Opra fi tliet atti Falstaff ta’ Giuseppe Verdi fit-Teatru tal-Opra Aurora fir-Rabat Għawdex taħt il-patronċinju tal-Eċċellenza Tiegħu il-President ta’ Malta Dr George Abela.
F’konferenza tal-aħbarijiet konġunta li saret fil-Berġa tal-Italja fil-Belt bejn il-Kumitat tas-Soċjetà Filarmonika Leone u l-Ministru tat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella, il-Ministru t’Għawdex l-Onor. Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Jose Herrera, kien sostnut l-appoġġ u l-impenn sħiħ tal-gvern favur it-tixrid tal-kultura mhux biss dik klassika u kontemporanja imma wkoll favur il-kultura popolari.
Il-Ministru tat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella sellem lis-Soċjetà Filarmonika Leone għal dawn il-150 sena ta’ kontribut li tat fil-qasam mużikali kif ukoll lill-qasam turistiku b’mod partikolari biex titnaqqas il-problema tal-istaġjonalità tat-turiżmu f’Għawdex. Semma’ kif il-baned u l-festi għandhom irwol importanti x’jaqdu f’pajjiżna hekk kif mhux biss taw direzzjoni turistika iżda minnhom infushom huma ta’ attrazzjoni turistika.
Il-Ministru Vella elenka bosta figuri li juru kif matul is-sena 2012, Għawdex esperjenza żieda fit-turiżmu barrani filwaqt li kien reġistrat tnaqqis żgħir fejn jidħol turiżmu intern, liema tnaqqis jista’ jkun dovut għal diversi fatturi u li fi kliem il-Ministru għandu jkun indirizzat biex din ix-xejra ma tiżdiedx.
Figuri kwotati juru kif matul l-2012 saru tliet kwarti ta’ miljun daytrip lejn Għawdex, 80,000 turist għażlu l-Għawdex bħala d-destinazzjoni ewlenija tagħhom, saru 34,000 combined holiday filwaqt li 8,000 turist għaddew lejl wieħed biss fil-Gzira Għawdxija, bil-maġġoranza tal-btajjel ikunu fis-sajf.
Filwaqt li rringrazzja lis-Soċjetà Filarmonika Leone, il-Ministru tat-Turiżmu wiegħed l-appogg kontinwu tal-gvern lejn inizzjattivi bħal dawn.
Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Anton Refalo semma’ kif fil-ġranet li għaddew saru taħdidiet mas-Soċjeta msemmija fejn tfasslet lista ta’ prijoritajiet li jridu jsiru għal Għawdex. Fost l-oħrajn ħidma biex jissaħħaħ is-settur tal-opri. Il-Ministeru jqis din in-niċċa bħala waħda importanti b’mod partikolari għal Għawdex. Il-Ministru Refalo enfasizza wkoll li l-Ministeru se jkun qed jaħdem biex iż-żewġ soċjetajiet fir-Rabat jisfruttaw il-possibilità li jsiru ċentru tal-konferenzi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali Jose Herrera qal li l-istil li adottat is-Soċjetà Filarmonika Leone li toħroġ mil-lat parrokjali jista’ jservi ta’ mudell għal baned oħra f’pajjiżna. Huwa sostna li l-kultura għandha sservi biex tixpruna aktar lit-turiżmu, mhux lanqas dak f’Għawdex.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-President tas-Soċjetà Dr Michael Caruana li fisser kif sehem is-Soċjetà kien sinonimu mal-istorja ta’ Malta. Semma’ kif is-Soċjetà Leone ma baqgħetx banda tradizzjonali imma trasformat ruħha, fost l-oħrajn bil-kontribut nazzjonali li tat fil-qasam tal-opra u li fi kliemu juri l-impenn u s-serjetà li tħaddan. Dr Caruana wiegħed l-impenn sħiħ tas-Soċjetà Leone favur il-kultura f’pajjiżna.
Ingħataw ukoll dettalji dwar l-Opra Falstaff mis-Surmast tal-Banda Leone Mro Colin Attard li mhux biss se tkun qed tittella’ għall-ewwel darba f’Għawdex imma wkoll se ssir jumejn biss qabel il-mitejn anniversarju mit-twelid tal-kompożitur Giuseppe Verdi. Mro Attard ħabbar kif din is-sena t-Teatru se jkompli fuq il-passi li ħa fis-snin li għaddew li jġib ismijiet kbar fil-qasam tal-opra, bil-mistieden ewlieni se jkun it-Tenur Paola Gavanelli.
Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijijet, il-Ministru tat-Turiżmu, il-Ministru t’Għawdex u s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali kienu ppreżentati b’tifkira tal-okkażjoni mill-President tas-Soċjetà Filarmonika Leone Dr Michael Caruana.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en