IS-SEPARAZZJONI TAL-AMBJENT U L-IPPJANAR MISTENNIJA SSIR SAL-AĦĦAR TAS-SENA 2014
Waqt laqgħa li saret mal-Malta Developers Association it-Tnejn wara nofsinhar, is-Segretarju Parlamentari għall-ippjanar u simplifikazzjoni amministrattiva Michael Farrugia qal li bħalissa għaddej b’xogħol kontinwu biex jiltaqgħa ma’ kull entità u individwu li jitolbu biex jiltaqgħu miegħu.
Michael Farrugia qal illi matul il-ġranet li ġejjin se jkun qed iħabbar il-membri l-ġodda fuq il-bord tal-MEPA filwaqt li se jkun qed jagħmel laqgħat oħra mal-Environment and Planning Commissions dwar il-pjanijiet lokali li jeżistu u kif f’ċertu ċirkostanzi ma jirriflettux ir-realtajiet.
Huwa rrimarka illi l-Environment and Planning Commissions se jkunu qed jingħataw id-direttiva li jagħtu prijorità lill-proġetti li l-fondi tagħhom ġejjin mill-Unjoni Ewropea. Proġetti oħra li joħolqu impjiegi u proġetti oħrajn li huma fuq skala ikbar.
Michael Farrugia tkellem ukoll kif gvern ġdid huwa kommess li jnaqqas il-burokrazija b’25%. Huwa qal illi bħalissa qed jiġu evalwati rapporti biex din il-wegħda tkun attwata.
Michael Farrugia tkellem dwar in-nuqqasijiet li sab fid-Dipartiment tal-Artijiet fosthom problemi li ilhom ikaxkru għal snin twal.
Tkellem ukoll dwar il-MEPA, fejn qal illi li is-separazzjoni tal-ippjanar mill-ambjent se tkun qed titħabbar sal-aħħar tas-sena 2014 u fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jittieħdu inizjattivi oħrajn li jistimolaw is-settur tal-iżvillupp.
Waqt l-istess laqgħa tkellem ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi il-Perit Michael Falzon li qal illi l-MDA hija l-vuċi prinċipali tal-iżviluppatur. Michael Falzon qal illi bħala assoċjazzjoni huma jinsabu kuntenti illi s-suġġerimenti tagħhom kienu mniżżla fil-programm elettorali tal-Partit Laburista li issa jinsab fil-gvern.
Huwa qal illi l-MDA taqbel mal-proposta illi l-ambjent u l-ippjanar ikunu żewġ entitajiet differenti. Il-Vici President tal-MDA Sandro Chetcuti qal illi l-industrija tal-kostruzzjoni u l-bejgħ tal-proprjetà ħadu daqqa ta’ ħarta kbira f’dawn l-aħħar snin li ħalliet effett negattiv fuq l-ekonomija ġenerali.
Sandro Chetcuti tkellem dwar ir-reviżjoni tal-pjanijiet lokali li fihom ħafna żbalji u anomaliji filwaqt li saħaq illi hemm bżonn illi t-tariffi tal-applikazzjonjiet tal-MEPA jiġu riveduti mill-iktar fis.
Is-segretarju Parlamentari Michael Farrugia qal illi se jkompli għaddej b’dawn il-laqgħat sabiex titnaqqas il-burokrazjia u jkun hawn aktar trasparenza.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en