TRIQ LI ILHA MWIEGĦDA MILL-2005, SE TITLESTA FI ŻMIEN 100 ĠURNATA XOGĦOL
Triq San Lawrenz, fil-Birgu, li ilha mwiegħda mis-sena 2005 se titlesta fi żmien 100 ġurnata ta’ xogħol.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi ħabbar dan matul konferenza tal-aħbarijiet li indirizza dalgħodu fl-istess triq, waqt li kien għaddej bil-laqgħat li qed ikollu mal-Kunsilli Lokali, bħala parti minn eżerċizzju ta’ konsultazzjoni dwar materji li jaqgħu fir-responsabilità tiegħu.
Il-Ministru dalgħodu kellu laqgħat mal-Kunsilli Lokali tal-Birgu, l-Isla, il-Kalkara, Xgħajra, Ħaż-Żabbar u Bormla.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Triq San Lawrenz, li ilha s-snin fi stat diżastruż b’inkonvenjenza kbira għar-residenti, il-Ministru Joe Mizzi qal li minkejja li t-tender kien ħareġ u l-Gvern preċedenti kien ilu għal diversi snin iwiegħed li jagħmel din it-triq u anke saru għadd ta’ interventi parlamentari fuqha, din baqgħet qatt ma saret.
Il-Ministru, flimkien ma’ persuni tekniċi, ħabbar li ntlaħaq ftehim ma’ kuntrattur dwar il-materjal li se jintuża. Ix-xogħol fit-triq se jibda fil-15 ta’ April li ġej u mistenni jitlesta fi żmien 100 ġurnata ta’ xogħol. Iżjed dewmien mhux se jiġi ttollerat u se jkun żgurat li x-xogħol isir skont il-fondi li ġew ivvotati.
Il-Ministru qal ukoll li se jkun qed isir monitoraġġ regolari tax-xogħol biex ikun assigurat li kollox miexi skont id-dati stipulati.
It-triq hija twila madwar 2,000 metru u se tkun pavimentata.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en