IS-SOLIDARJETÀ TAL-EWROPA HI KRUĊJALI GĦALL-PAĊI FIR-REĠJUN TAL-MEDITERRAN
“Dak li saħqet fuqu l-Viċi President tal-Kummissjoni u Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Catherine Ashton biex il-pajjiżi tal-Ewropa jaħdmu aktar flimkien, għandu jkun estiż ukoll f’eżercizzju ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi membri, partikolarment biex l-Ewropa tilqa’ għall-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari, u ssostni pajjiżi bħal Malta li qed ikollhom rwol kruċjali f’dan il-qasam billi jkun hemm burden sharing tanġibbli u effettiv.” Hekk stqarret il-Membru Parlamentari eletta Dr Justyne Caruana, li mexxiet id-delegazzjoni Maltija, f’wieħed mill-interventi li għamlet waqt li kienet qed tieħu sehem f’Konferenza Interparlamentari dwar il-Politika Estera u Sigurtà Komuni (CFSP) u l-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (CSDP), li tlaqgħet il-ġimgħa l-oħra ġewwa Dublin taħt il-Presidenza Irlandiża tal-Unjoni. Is-Sur Ryan Callus, Membru Parlamentari ieħor elett fil-Parlament Malti, kien ukoll jifforma parti mid-delegazzjoni Maltija li marret għal din il-Konferenza.
Id-diskussjonijiet fil-Konferenza ttrattaw l-oqsma tal-Paċi, s-Sigurtà u l-Iżvilupp fl-Afrika (fejn sar skambju ta’ ideat ma’ Catherine Ashton), l-irwol tal-Unjoni Ewropea biex jieqaf il-ġlied u ssaltan il-paċi fil-Lvant Nofsani bid-drittijiet tal-popli kollha tar-reġjun salvagwardati kif imiss (f’sessjoni interattiva mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Irlandiż Eamon Gilmore), u l-Kunsill Ewropew dwar id-Difiża li qed jitwaqqaf din is-sena (li fiha ħa sehem il-Ministru għall-Ġustizzja, Difiża u Ugwaljanza Irlandiż Alan Shatter).
Matul żewġ Workshops li nżammu simultanjament fit-tieni jum tal-Konferenza, il-Membri Parlamentari eletti Maltin ressqu l-veduti rispettivi tagħhom dwar il-problemi li jinħolqu meta jidħlu Malta immigranti irregolari li jkunu ħarbu mill-instabbilità f’pajjiżhom fl-Afrika. Is-Sur Callus semma’ r-rabta bejn il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea, filwaqt li tkun solidali ma’ dawk il-pajjiżi bħal Malta li qed jilqgħu dawn l-immigranti, tikkontribwixxi wkoll b’fondi u b’għajnuniet oħra ħalli jitjieb il-livell ta’ għixien ġewwa l-pajjiżi li minnhom ikunu qed jaħarbu dawn in-nies fil-kilba li jkollhom li jsibu kwalità ta’ ħajja aħjar x’imkien ieħor. Huwa sostna li fid-diskussjonijiet mal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Afrika, l-Unjoni Ewropea għandha żżomm djalogu ħaj u tattwah fuq livell ta’ ħbiberija, filwaqt li tevita li taġixxi bi stil patronistiku.
‘Ma jista’ qatt ikun hemm sigurtà fl-Ewropa sakemm il-Mediterran jibqa’ mifni b’nuqqas tas-sigurtà, u f’dan ir-rigward huwa għalhekk essenzjali li l-Proċess għall-Paċi fil-Lvant Nofsani jirnexxi,’ saħqet minn naħa tagħha Dr Caruana f’intervent ieħor li għamlet waqt dawn il-Workshops. Fis-siegħa tal-prova, Malta kemm il-darba uriet li kapaċi tagħmel il-parti tagħha u iżjed. Avolja pajjiżna jiddisponi minn riżorsi limitati, qed nagħtu l-kontribut tagħna kull fejn nistgħu biex il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, minflok jintilfu jaqbdu f’xulxin għal kwalunkwe skuża, jersqu lejn il-mejda tan-negozjati u jagħtu dik l-ispinta biex jieqaf il-ġlied u titgawda ħajja paċifika dejjiema minn dawk kollha fir-reġjun.
Il-Konferenza qablet mat-twaqqif ta’ Kumitat kompost minn rappreżentanti tal-parlamenti Ewropej bl-inkarigu li jiġbor tagħrif utli dwar il-qagħda fid-diversi pajjiżi fir-reġjun tal-Mediterran u li għaddew mill-għelt tar-Rebbiegħa Għarbija. Sadattant, iżda, Malta saħqet fuq il-ħtieġa li ma jkunx hemm duplikazzjoni ta’ riżorsi u spejjeż żejda f’dan l-eżercizzju, ġaladarba saru bosta rapporti ta’ tiftix simili minn organizazzjonijiet oħrajn f’dan ir-rigward, u għalhekk tkun ħela jekk wieħed jipprova jibda mill-bidu u jinjora kull ma sar diġà.
Il-Konferenza għalqet billi ġew approvati bosta Konklużjonijiet dwar il-triq li trid tiġi segwita għall-ġejjieni biex jinkisbu s-suċċessi mixtieqa minn kull min għandu għal qalbu l-progress, il-paċi, s-serħan tal-moħħ, il-ġustizzja soċjali u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni madwarna fejn hemm daqstant taqlib u nuqqas ta’ komprensjoni.
Konferenza Interparlamentari oħra ta’ din ix-xorta se titlaqqa’ ġewwa Vilnius, il-belt kapitali tal-Litwanja, f’Settembru li ġej.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en