Left arrow Go Back

IS-SOLIDARJETÀ TAL-EWROPA HI KRUĊJALI GĦALL-PAĊI FIR-REĠJUN TAL-MEDITERRAN

pr0502
Date Icon 01/04/2013

“Dak li saħqet fuqu l-Viċi President tal-Kummissjoni u Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Catherine Ashton biex il-pajjiżi tal-Ewropa jaħdmu aktar flimkien, għandu jkun estiż ukoll f’eżercizzju ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi membri, partikolarment biex l-Ewropa tilqa’ għall-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari, u ssostni pajjiżi bħal Malta li qed ikollhom rwol kruċjali f’dan il-qasam billi jkun hemm burden sharing tanġibbli u effettiv.” Hekk stqarret il-Membru Parlamentari eletta Dr Justyne Caruana, li mexxiet id-delegazzjoni Maltija, f’wieħed mill-interventi li għamlet waqt li kienet qed tieħu sehem f’Konferenza Interparlamentari dwar il-Politika Estera u Sigurtà Komuni (CFSP) u l-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (CSDP), li tlaqgħet il-ġimgħa l-oħra ġewwa Dublin taħt il-Presidenza Irlandiża tal-Unjoni.  Is-Sur Ryan Callus, Membru Parlamentari ieħor elett fil-Parlament Malti, kien ukoll jifforma parti mid-delegazzjoni Maltija li marret għal din il-Konferenza. 

Id-diskussjonijiet fil-Konferenza ttrattaw l-oqsma tal-Paċi, s-Sigurtà u l-Iżvilupp fl-Afrika (fejn sar skambju ta’ ideat ma’ Catherine Ashton), l-irwol tal-Unjoni Ewropea biex jieqaf il-ġlied u ssaltan il-paċi fil-Lvant Nofsani bid-drittijiet tal-popli kollha tar-reġjun salvagwardati kif imiss (f’sessjoni interattiva mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Irlandiż Eamon Gilmore), u l-Kunsill Ewropew dwar id-Difiża li qed jitwaqqaf din is-sena (li fiha ħa sehem il-Ministru għall-Ġustizzja, Difiża u Ugwaljanza Irlandiż Alan Shatter).

Matul żewġ Workshops li nżammu simultanjament fit-tieni jum tal-Konferenza, il-Membri Parlamentari eletti Maltin ressqu l-veduti rispettivi tagħhom dwar il-problemi li jinħolqu meta jidħlu Malta immigranti irregolari li jkunu ħarbu mill-instabbilità f’pajjiżhom fl-Afrika.  Is-Sur Callus semma’ r-rabta bejn il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea, filwaqt li tkun solidali ma’ dawk il-pajjiżi bħal Malta li qed jilqgħu dawn l-immigranti, tikkontribwixxi wkoll b’fondi u b’għajnuniet oħra ħalli jitjieb il-livell ta’ għixien ġewwa l-pajjiżi li minnhom ikunu qed jaħarbu dawn in-nies fil-kilba li jkollhom li jsibu kwalità ta’ ħajja aħjar x’imkien ieħor.  Huwa sostna li fid-diskussjonijiet mal-mexxejja tal-pajjiżi tal-Afrika, l-Unjoni Ewropea għandha żżomm djalogu ħaj u tattwah fuq livell ta’ ħbiberija, filwaqt li tevita li taġixxi bi stil patronistiku. 

‘Ma jista’ qatt ikun hemm sigurtà fl-Ewropa sakemm il-Mediterran jibqa’ mifni b’nuqqas tas-sigurtà, u f’dan ir-rigward huwa għalhekk essenzjali li l-Proċess għall-Paċi fil-Lvant Nofsani jirnexxi,’ saħqet minn naħa tagħha Dr Caruana f’intervent ieħor li għamlet waqt dawn il-Workshops.  Fis-siegħa tal-prova, Malta kemm il-darba uriet li kapaċi tagħmel il-parti tagħha u iżjed. Avolja pajjiżna jiddisponi minn riżorsi limitati, qed nagħtu l-kontribut tagħna kull fejn nistgħu biex il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, minflok jintilfu jaqbdu f’xulxin għal kwalunkwe skuża, jersqu lejn il-mejda tan-negozjati u jagħtu dik l-ispinta biex jieqaf il-ġlied u titgawda ħajja paċifika dejjiema minn dawk kollha fir-reġjun.  

Il-Konferenza qablet mat-twaqqif ta’ Kumitat kompost minn rappreżentanti tal-parlamenti Ewropej bl-inkarigu li jiġbor tagħrif utli dwar il-qagħda fid-diversi pajjiżi fir-reġjun tal-Mediterran u li għaddew mill-għelt tar-Rebbiegħa Għarbija.  Sadattant, iżda, Malta saħqet fuq il-ħtieġa li ma jkunx hemm duplikazzjoni ta’ riżorsi u spejjeż żejda f’dan l-eżercizzju, ġaladarba saru bosta rapporti ta’ tiftix simili minn organizazzjonijiet oħrajn f’dan ir-rigward, u għalhekk tkun ħela jekk wieħed jipprova jibda mill-bidu u jinjora kull ma sar diġà.

Il-Konferenza għalqet billi ġew approvati bosta Konklużjonijiet dwar il-triq li trid tiġi segwita għall-ġejjieni biex jinkisbu s-suċċessi mixtieqa minn kull min għandu għal qalbu l-progress, il-paċi, s-serħan tal-moħħ, il-ġustizzja soċjali u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fiż-żoni madwarna fejn hemm daqstant taqlib u nuqqas ta’ komprensjoni. 

Konferenza Interparlamentari oħra ta’ din ix-xorta se titlaqqa’ ġewwa Vilnius, il-belt kapitali tal-Litwanja, f’Settembru li ġej.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow