L-ISCOREBOARD TAL-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR IL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA JKABBAR IR-RIEDA TAL-GVERN GĦAL RIFORMA EFFETTIVA
Ir-riżultati inkwetanti ferm li kiseb pajjiżna f’diversi oqsma kruċjali fl-istudju tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Ġustizzja (EU Justice Scoreboard) ikabbru u jsaħħu r-rieda tal-Gvern għal riforma effettiva u fil-hin f’dan il-qasam.
Waqt li l-Gvern jirrikonoxxi li wħud mill-aspetti tas-sistema tagħna jipparagonaw tajjeb ma’ pajjiżi Ewropej oħra, fl-istess ħin il-Gvern jemmen li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, id-demokrazija nnifisha u s-settur tan-negozju u l-investiment urġentement jixirqilhom sistema ġudizzjarja ferm aġjar, iktar effiċjenti u li titfa’ lil pajjiżna fost il-pajjiżi ta’ quddiem nett fl-Unjoni Ewropea.
Biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem u jkabbar il-ġid, ma jistax ikun li jiġi fl-aħħar postijiet fejn jidħol iż-żmien li jittieħed biex jigu risolti l-kawżi u r-rata li biha jinqatgħu l-kawżi.
Bl-istess mod pajjiżna ma jaffordjax li jkollu riżultati daqstant negattivi f’oqsma fundamentali bhall-faċilita’ ta’ informazzjoni dwar moniteraġġ u evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Qrati u l-ammont ta’ riżorsi li jingħataw lill-Qrati tal-Ġustizzja mill-budget tal-Gvern.
Il-Gvern jemmen li fis-settur tal-ġustizzja m’għadx għandna l-lussu li naraw jekk għandniex ninbidlu jew nibqgħu kif aħna. Ninsabu f’pożizzjoni bħala pajjiż li m’għandniex għażla oħra għajr li nirriformaw u ninbidlu għall-aħjar.
Konxju minn din ir-realta’, il-Ħadd li għadda l-Gvern ħabbar it-twaqqif tal-Kummissjoni għal Reviżjoni Ħolistika fil-qasam tal-Ġustizzja mmexxija mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello li b’mod spedit, fit-timeframes diġa’ indikati u wara konsultazzjoni pubblika wiesa’ għandha tagħmel review tas-sistema ġudizzjarja.
Il-Gvern kommess li jimplimenta l-punti ewlenin tar-riforma skont kif maħsuba fir-review tal-Kummissjoni qabel tmiem l-aħħar tas-sena.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en