L-ONOR. JOSE’ HERRERA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA U GVERN LOKALI, INIEDI L-MALTA ARTS FESTIVAL
Ser jitwaqqaf Cultural Policy Advisory Group
Meta kien qed jindirizza t-tnedija tat-8 edizzjoni tal-Malta Arts Festival, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura, l-Onor. Jose’ Herrera, ħabbar it-twaqqif ta’ Cultural Policy Advisory Group.
Huwa qal li dan il-grupp ser jaħdem biex jgħolli l-profil tal-kultura, l-artisti u t-talent lokali. Huwa qal li dan il-grupp ser ikun qed jistudja x'mar tajjeb u x’mar ħażin fl-aħħar snin fil-qasam tal-kultura. Dr. Herrera sostna li l-grupp ser jagħmel review ta’ kif intużaw il-fondi kulturali filwaqt li janalizza dokumenti u deċizjonijiet li saru sabiex tigi implimentata l-politika kulturali.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-kultura qal li Gvern ġdid jemmen li l-kultura hija ta’ kulħadd u ser jaħdem biex jagħti ċans ħalli dan is-settur jikber u jissaħħaħ. Gvern ġdid, qal Dr Jose’ Herrera, ser iħares lejn il-kultura minn lenti ta’ drittijiet kulturali. Huwa qal li l-politika kulturali li ġiet konsultata u maqbula minn diversi entitajiet ser tiġi mħaddna minn dan il-gvern u imżewġa mal-mandat elettorali u l-prioritajiet ta’ Gvern ġdid. Dr Jose’ Herrera qal li kull strateġija li se tinħadem, ser tinvolvi konsultazzjoni kontinwa li tibbaża fuq il-prinċipji tal-politika kulturali.
Tenna l-impenn ta’ dan il-Gvern li jaħdem biex isaħħah il-festivals lokali kif ukoll ix-xogħol tal-Kunsill tal-Kultura u l-Arti. Huwa qal li dak kollu li ser isir minn dan il-Gvern f’dan il-qasam huwa li jsaħħaħ it-triq ħalli l-Belt Kapitali Ewropea tkun waħda ta’ suċċess.
Sadanittant, għal din il-Konferenza tal-Aħbarijiet, li għaliha kien hemm preżenti bosta artisti, ingħataw dettalji tat-8 edizzjoni tal-Malta Arts Festival li ser isir bejn it-30 ta’ Gunju u l-14 ta’ Lulju 2013.
F’dan il-Festival ser ikun hemm il-passjoni tal-flamenco, eżibizzjoni tal-arti viżiva kontemporanja, teatru ta’ Shakespeare, teatru-żfin intimu, mużika ferrieħa u kunċerti orkestrali u anke ċirku bbażat madwar l-artisti. Il-Festival jinkludi programm varjat ta’ teatru, mużika, żfin u arti viżiva. Il-Festival ser joffri firxa wiesgħa ta’ ġeneri u forom artistiċi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en