DISKORS TAL-GĦELUQ MILL-MINISTRU GĦAS-SAĦĦA L-ONOR. GODFREY FARRUGIA FL-OKKAŻJONI TA’ WORLD TB DAY WAQT KONFERENZA ORGANIZZATA MID-DIRETTORAT GĦALL-PROMOZZJONI TAS-SAĦĦA U PREVENZJONI TAL-MARD – L-ISKOLA MEDIKALI, SPTAR MATER DEI – IT-TLIETA, 26 TA’ MARZU
L-24 ta’ Marzu huwa l-Jum Dinji ddedikat għal aktar għarfien dwar it-tuberkolożi. Dan huwa l-jum meta t-tabib Robert Koch skopra l-mikrobu tat-tuberkolożi fil-1882. Dan kien l-ewwel pass fid-dijanjożi u l-kura tat-tuberkolożi. F’din il-ġurnata nerġgħu nfakkru lin-nies li l-marda tat-tuberkolożi għadha teżisti fid-dinja u nfakkru ukoll dwar x’qiegħed isir biex nipprevenu u nikkuraw din il-marda. Għalkemm saru avvanzi kbar, din il-marda għadha problema globali u għad fadal xi jsir biex xi darba neliminawha mid-dinja.
Kien hemm żmien meta din il-marda kienet naqset però kif smajtu, f’dawn l-aħħar żminijiet, din il-marda reġgħet tfaċċat bil-qawwa fid-dinja. Fil-pajjizi sottożvillupati għadha tikkawża milljuni ta’ każijiet ta’ mard u mwiet kull sena. Fil-fatt fis-sena 2011, 8,700,000 persuna mardu bit-TB u 1,400,00 persuna mietu bit-TB, madwar id-dinja. Terz tal-popolazjoni fid-dinja hija nfettata bil-mikrobu tat-tuberkolożi. L-aktar pajjiżi milquta minn din il-marda huma dawk li jinsabu taħt id-deżert tas-Sahara fl-Afrika u dawk li jinsabu f’nofsinhar tal-lvant tal-Asja.
Anke l-Ewropa u pajjiżi oħra żvilluppati, bħall-Amerika ta’ Fuq, ġew affetwati. Bejn l-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet ir-rata tat-tuberkolożi f’ħafna pajjiżi industrijalizzati bdiet togħla. Fis-sena 1993, din is-sitwazzjoni inkwetanti ġielgħet lill-Għaqda Dinija tas-Saħħa biex tiddikjra t-tuberkolożi bħala emerġenza globali.
Bħalma rajtu mill-preżentazzjonijiet li saru f’dan is-seminar, Malta relattivament għandha inċidenza baxxa tat-tuberkolożi, b’medja, f’dawn l-aħħar għoxrin sena li kienet ta’ 7.6 każi għal kull 100,000 persuna.
Bħal diversi pajjiżi fl-Ewropa tal-Punent, ħafna mill-każijiet tat-tuberkolożi f’Malta jinsabu f’persuni barranin, b’mod speċjali dawk li ġejjin minn pajjiżi fejn ir-rata ta’ tuberkolożi hija għolja. Iż-żieda fl-immigrazzjoni rregolari f’dawn l-aħħar snin, l-aktar mill-kontinent Afrikan, kellha kontribut sostanzjali għall-inċidenza tat-tuberkolożi f’Malta. Fl-2012, jiġifieri s-sena li għaddiet, 83% tal-każijiet tat-tuberkolożi f’Malta kienu fil-barranin. Tajjeb li ngħidu wkoll li f’dawn l-aħħar snin ir-rata tat-tuberkolożi fil-Maltin naqset ħafna. Din baqgħet tinsab l-aktar fl-anzjani, l-aktar minħabba riattivazzjoni ta’ infezzjoni antika bit-tuberkolożi.
B’sodisfazzjon ngħid li l-Ministeu għas-Saħħa pemezz tas-Superintendent tas-Saħħa Pubblika b’kollaborazzjoni ma’ dipartimenti oħra, qiegħed jieħu diversi miżuri biex jikkumbatti u jikkontrolla din il-marda f’Malta. Dawn jinkludu:
• Kura b’xejn għan-nies morda bit-tuberkolożi;
• Kura minn tobba speċjalizzati, li jsegwu lill-pazjenti bit-TB tul it-trattament kollu;
• Superviżjoni tat-trattament għat-TB min-nies imħarrġa, biex niżguraw li l-pazjenti qegħdin jieħdu l-kura kif suppost u li eventwalment ifiequ mill-infezzjoni;
• Screening mal-wasla f’Malta ta’ nies li ġejjin minn pajjiżi fejn ir-rata tat-tuberkolożi hija għolja;
• Screening ta’ nies li xogħolhom jesponihom għal aktar riskju minn din il-marda;
• Screening tan-nies li jagħmlu kuntatt mal-pazjenti bit-tuberkolożi;
• Tilqim kontra t-TB għat-tfal b’riskju għoli għal din il-marda.
Is-sena li għaddiet id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzzjoni tal-Mard fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, nieda Strateġija Nazzjonali għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tuberkolożi f’pajjiżna. Din l-istrateġija hija ffukata fuq sitt punti kardinali li jridu jiġu indirizzati biex nikkontrollaw aħjar din il-marda f’pajjiżna. Hemm sezzjonijiet fuq is-sorveljanza, l-immaniġġjar u t-trattament tat-TB. Tajjeb li wieħed jgħid li biex din l-istrateġija tirnexxi hemm bżonn il-koperazjoni ta’ kulħadd involut; l-infermiera, t-tobba u nies oħra li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, nies li jaħdmu fiċ-ċentri tal-immigranti, l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETĊ), setturi mhux governativi u oqsma oħra.
Bħala Ministru għas-Saħħa nemmen u ninkoraġixxi li lkoll għandna nagħmlu ħilitna biex nużaw il-mezzi kollha priventivi, hekk nikkumbattu mhux biss il-mard tal-TB, iżda wkoll kull marda infettiva oħra.
Minkejja li t-TB għandha inċidenza relattivament baxxa, huwa importanti li nkomplu b’dan l-impenn li diġà nbeda biex din ma tirrendix f’pajjiżna.
Nemmen li jekk niġbdu ħabel wieħed, wasalna f’mument fejn minn hawn u ftit snin oħra nkunu nistgħu ngħidu li f’pajjiżna l-marda tat-tuberkolożi nqerdet.
Ejja naħdmu biex f’din il-ġenerazzjoni nilħqu dan il-għan.
L-isfida hija tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en