IL-MINISTRU CHRIS CARDONA JINDIRIZZA L-LAQGĦA ĠENERALI ANNWALI TAL-KAMRA TAL-KUMMERĊ, L-INTRAPRIŻA U L-INDUSTRIJA
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, l-Onor. Dr. Chris Cardona indirizza l-Laqgha Ġenerali Annwali tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija. Il-Ministru qal li kien ta’ unur għalih li kien mistieden biex jitkellem dwar il-vizjoni ekonomiku ta’ dan il-gvern ġdid. Qal li minn kemm ilu li nħatar bħala Ministru, beda jdur diversi fabbriki lokali biex jisma’ dwar l-isfidi u l-prospetti li għandhom il-kumpaniji Maltin. Permezz ta’ dawn iż-żjarat irid jintbgħat messaġġ li din l-amministrazzjoni hija favur in-negozju. Il-Ministru Cardona qal li l-programm ta’ dan il-gvern tfassal wara konsultazzjoni li saret mal-istakeholders ikkonċernati. Mill-gvern, issa jrid ikun assigurat li dan id-djalogu jinżamm u jissaħħah.
Il-Ministru qal li dan il-gvern għandu intenzjoni jaħdem mill-viċin mal-operaturi li huma diġà stabbiliti f’pajjiżna. Dan filwaqt li jagħmel ħiltu kollha biex jattira investiment ġdid billi fost l-oħrajn jimplimenta bidliet bil-għan li tissaħħah il-kompetittività ta’ pajjiżna. Hawn semma l-ġlieda bla preċedent li dan il-gvern irid jagħmel kontra l-burokrazija. Dan billi fost l-oħrajn l-awtoritajiet regolatorji jsiru trasparenti u kontabbli.
Semma kif il-mira tal-gvern hi dik li l-burokrazija tonqos b’25% anke bil-ħatra ta’ Kummissarju maħtur speċifikament biex jara li jkunu implimentati l-bidliet. Dan il-gvern, qal Dr. Chris Cadona, se jaħdem biex ikollna sitwazzjoni fejn persuna li trid tibda negozju, tapplika għal permess wieħed biss u mhux diversi oħrajn. Meta kien qed jitkellem dwar il-kompetittività semma wkoll it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl. Qal li dan il-gvern huwa konvint li l-pjan tiegħu li jraħħas id-dawl huwa fattibli u se jkun qed issaħħah il-kompetittività ta’ pajjiżna. Dan għandu jwassal biex ikunu assigurati l-impjiegi ezistenti u maħluqa impjiegi ġodda ta’ kwalità.
Il-Ministru Cardona tkellem ukoll dwar il-Malta Enterprise u Malta Industrial Parks. Qal li l-gvern ħa l-passi immedjati biex ikun assigurat li ma jkun hemm l-ebda vakum fl-għola karigi ta’ dawn l-organizazzjonijiet importanti. Saħaq li l-ħatra ta’ Chairpersons u diretturi mhijiex kwistjoni li għandha tkun trattata b’urġenza żejda. Għalhekk f’dan il-perjodu, iddelega lil Dr. Mario Vella biex jirrapprezentah f’dawn l-organizazzjonijiet. Il-Ministru assigura lil dawk kollha prezenti għal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kamra tal-Kummerċ li f’dawn iz-zewg organizazzjonijiet, il-bordijiet se jkunu jirrapprezentaw l-istakeholders kollha.
Filwaqt li rringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriza u l-Industrija għax-xogħol li twettaq, afferma mill-ġdid li dan hu gvern li jisma’ u li hu kommess li jibni fuq it-tajjeb li sar minn amministrazzjonijiet preċendenti. B’ħidma konġunta bejn il-gvern, l-industrija u l-unions nistgħu ngħollu l-livell tal-pajjiż u nassiguraw li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tkun suċċess kbir, temm jgħid il-Ministru Chris Cardona.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en