DISKORS MILL-ONOR. JOSÉ HERRERA SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA U GVERN LOKALI FIL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU FL-OKKAŻJONI TAL-ĠURAMENT TAL-ĦATRA TAL-KUNSILLIERI LI ĠEW ELETTI NHAR IS-SIBT 9 TA' MARZU 2013
Sinjuri
Ippermettuli nibda billi insellem lill-Kunsillieri kollha li ġejtu eletti fl-elezzjonijiet li saru nhar is-Sibt 9 ta' Marzu 2013.
Sinjuri, din hija l-ewwel opportunità għalija li nista’ naqsam magħkom il-ħsieb tiegħi dwar kif għandna nipproċedu sabiex nagħtu l-aħjar u l-aqwa servizz lin-nies. Intom tafu daqsi li għalkemm issa għaddew kważi 20 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali fejn sar ħafna xogħol u llum kulħadd jaqbel li l-kunsilli lokali għamlu d-differenza fit-tmexxija lokali, għad hemm affarijiet li rridu nindirizzawhom sabiex dan is-servizz tant utili u bżonnjuż għall-komunitajiet tagħna nkomplu insaħħuh.
Għalhekk nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lis-Sindki u Kunsillieri li ħadmu qabilkom l-għaliex kieku ma kinux huma intom ma tistgħux twettqu il-proġetti tagħkom. Dan huwa proċess li jrid jibqa’ għaddej u bħal ta’ qabilkom tridu tkunu lesti li tagħmlu s-sagrifiċċji u twarrbu l-interessi personali tagħkom u taħdmu għall-ġid komuni, iġifieri dak li tirrispettaw lil kulħadd immaterjali mill-kuluri li wieħed iħaddan jew mil-liema parti tal-belt jew raħal jgħix.
Għalkemm iċ-ċerimonja tal-lum hija waħda ċerimonjali l-fatt li qegħdin miġburin flimkien huwa sinjal ċar tal-impenn tal-ministeru tiegħi li nkun qribkom u viċin tagħkom sabiex fil-jiem li ġejjin nibdew inpoġġu fil-prattika l-fiduċja li tawkom in-nies.
Fiduċja li rrid ngħid mhix faċli biex takkwistaha u lanqas hija faċli biex tirreċiprokaha, huwa biss bil-ħidma onesta, sinċiera u impenjattiva li din tista’ tinkiseb u jiena konvint li kull wieħed u waħda minnkom se tkunu qegħdin taħdmu bis-sħiħ sabiex taraw li dak li ħdimtu għalih b’tant ħeġġa tkomplu issarrfuh għall-ġid tal-belt u raħal tagħkom.
Il-kariga ta' Kunsillier iġġib magħha responsabilitajiet li forsi mhux kulħadd ikun konxji minnhom mill-ewwel, però tajjeb li wara li tieħdu l-ħatra tagħkom u tibdew il-ħidma tagħkom tiflu sew l-att tal-Kunsilli Lokali b'mod partikolari l-iStanding Orders u l-Kodiċi ta Etika li kien sar bl-għajnuna ta' L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Nisħaq li hija responsabiltà tagħkom li tkunu tafu sew il-liġijiet tal-pajjiż l-għaliex mill-1 ta' April u din mhix ċajta intom se ġġorru magħkom responsabiltà li jaf ikollha konsegwenzi ferm serji jekk wieħed ma jagħmilx xogħolu sew. Għalhekk dak kollu li tagħmlu qisuh sew u araw li ĦADD ma jazzarda jagħmel xi ħaġa li ma tkunx konformi mal-liġijiet tal-pajjiż.
Kunu responsabbli ta’ għemilkom:
Hawnhekk irrid nagħmel appell lis-segretarji eżekuttivi li fuqhom taqa’ r-responsabiltà tal-uffiċċju tal-kunsilli lokali. Intom Is-segretarji l-għassiesa tal-liġi u għandkom l-obbligu li tieħdu l-miżuri kollha li tippermettilkom il-liġi biex taraw li l-affarijiet isiru sewwa.
Tkun għalhekk ħaġa tajba, speċjalment għal dawk il-kunsillieri li din hija l-ewwel esperjenza tagħhom li jsiru sezzjonijiet ta’ taħriġ organizzati mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali b'koordinazzjoni ma l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Għal dan il-għan diġà inkarigajt lid-Direttur tal-Gvern Lokali biex iħejji sezzjonijiet tat-taħriġ fuq l-għodod l-aktar prinċipali biex intkom sinjuri kunsillieri tmexxu mod aħjar b’rispett sħiħ lejn il-liġi l-lokalità li ser isservu fiha.
Tkun ħaġa tajba wkoll li intom is-segretarji ezekuttivi mhux biss tagħtu kopja tal-Att tal-Kunsilli Lokali imma tieħdu ħsieb sabiex fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill issir diskussjoni dwar il-punti l-aktar importanti li jirregolaw l-iStanding Orders. Dan huwa importanti sabiex ma jkunx hemm problemi waqt il-laqgħat jew ta’ lanqas il-problemi nnaqsuhom.
Aktar ma jkollkom informazzjoni ta' x'tistgħu tagħmlu u x'ma tistgħux tagħmlu aktar tistgħu tħaffu ix-xogħol tagħkom.
Forsi taħsbu li qiegħed neseġera u llum tixtiequ tisimgħu aktar kif se nħarsu ’l quddiem, dan se nagħmluh imma irrid nagħmilha ċara li jekk ma tkunux tafu kif jaħdem Kunsill Lokali se jkollkom il-problemi. Uħud minnkom forsi għandhom esperjenzi varji, minn f'xi kumitat tal-festa min f'xi għaqda volontarja, min għadu ħiereġ mil-università jew f'postijiet oħra li huma kompletament differenti mill-ħidma li issir fi-Kunsilli Lokali. Hu x'inhu l-ambjent li ġejjin minnu l-ħidma fil-Kunsill Lokali hija regolata bil-liġi u jista’ jsir biss dak li huwa permess bil-istess liġi.
Fejn ninsabu:
Ninsab infurmat li hemm numru ta’ deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu u baqgħu ma ttieħdux, dan seta’ ħoloq problemi amministrattivi u anke problemi man-nies minħabba li xtaqtu taqduhom u ma stajtux tagħmlu dan peress li ma tawkomx id-delega. Jiena nwegħidkom li se nevalwa dawn l-issues u fejn hemm bżonn nieħu d-deċiżjonijiet se nkun qed neħodhom.
Tifhmu li rridu ftit taż-żmien biex naraw fejn kienu waslu dawn id-diskussjonijiet, però inwegħidkom li se nipprova naċċellera l-proċess kemm jista’ jkun sabiex dak li ma sarx f'dawn l-aħħar snin nagħmluh fl-iqsar żmien possibbli.
Devoluzzjoni tad-dawl:
Insemmi per-eżempju d-devoluzzjoni tad-dawl fejn sal-lum il-Kunsilli Lokali għandhom ir-responsabiltà ta' nofs il-lampi tat-toroq (dawk li qegħdin fuq bracket) u l-Enemalta għandha r-responsabiltà tan-nofs l-ieħor (dawk li qegħdin fuq arblu). Fl-opinjoni tiegħi din mhix proċedura tajba u mhix aċċettabli, nifhem li lilkom ħolqitilkom il-problemi u kellkom tiffaċċjaw l-ilmenti u r-rabja tan-nies mingħajr ma kelkom tort.
Għal dan il-għan se nkun qiegħed niftaħ diskussjonijiet mal-awtortiajiet sabiex anke f'dan il-qasam inħaffu l-proċess.
Permessi maħruġa mill-Kunsilli Lokali:
Avviż legali 119 ta l-2002 jagħti l-poter lill-Kunsilli Lokali sabiex joħorġu permessi għal attivitajiet, permessi għal tqegħid ta’ makkinarju, permessi għall-użu tal-art u permessi għal Swieq fil-beraħ.
Minn informazzjoni li għandi kien hemm proposti mressqa mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li anke kienu ġew diskussi mas-Sindki waqt waħda mil-laqgħat tas-sindki imma għalkemm kien hemm qbil fuqhom anke mill-Malta Development Association baqgħet ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.
Minħabba l-importanza ta’ dan l-avviż legali u peress li hemm ċertu anomaliji li jridu jiġu indirizzati fosthom il-permessi tal-krejnijiet b-mod partikolari "tower cranes" fejn qegħdin naraw li jeżistu cirkostanzi fejn kuntratturi qegħdin jintalbu jagħmlu ħlasijiet li jvarjaw bejn lokalità u oħra, il-problemi kbar li l-Kunsilli Lokali qegħdin jiffaċċjaw bil-permessi tas-swieq fil-beraħ u l-permessi relatati ma’ l-użu ta’ art pubblika speċjalment waqt ġbid ta’ films kummercjali, se nkun qiegħed nimpenja ruħi u se nibda norganizza laqgħat b'mod immedjat mal-istakeholders kollha biex nipproċedu fl-anqas żmien possibbli.
Il-Burokrazija trid tonqos ukoll fil-Kunsilli Lokali:
Fil-ftit jiem li ili nokkupa din il-kariga smajt ħafna dwar ix-xogħol żejjed li ħafna drabi jkollhom jagħmlu s-segretarji eżekuttivi, waħda minnhom hija minħabba ħafna komunikati maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Għalkemm dawn il-komunikati huma importanti nifhem li meta jkun hemm ħafna minnhom joħolqu pressjoni ta’ xogħol u allura joħolqu problemi anke ta’ ħin li jista’ jintuża aħjar fil-qadi ta’ dmirijitkom.
Irridu naħdmu biex nissimplifikaw kemm jista’ jkun dawn il-komunikati, fl-istess waqt se nappella lilkom biex tagħmlu l-istess fil-lokalitajiet tagħkom. Huwa importanti li intom ukoll idduru dawra mal-proċeduri tagħkom u fejn hemm bżonn li tbiddlu, biddlu minnufih. Iffaċilitaw il-proċess tal-ilmenti li jressqu n-nies, għamlulhom ħajjithom aktar faċli u agħtu każ sew l-ilmenti li jressqulkom.
Żommu f'moħħkom li intom qegħdin hemm għan-nies u mhux bil-maqlub. Is-servizzi li intom toffru jrid jingħata bi dritt u mhux bi pjaċir. Ftakru li intom se tkunu qegħdin tamministraw fondi pubbliċi li jinġabru mit-taxxi tal-poplu u għalhekk huwa bi dritt li n-nies jippretendu servizzi tajbin effiċjenti u fil-ħin.
Jiena konvint li intom tafu sew il-bżonnijiet tal-lokalitajiet tagħkom u għalhekk kapaċi taddattaw is-sistemi tagħkom biex takkomodaw il-kulħadd skont il-bżonnijiet tiegħu.
Agħtu widen tal-ilmenti u ddiskutuhom waqt il-laqgħat tal-kunsill u ppruvaw sibu soluzzjoni. Jekk l-ilment ma jistax jiġi milqugħ, konvint li tistgħu twasslu l-messaġġ bl-aktar mod ċivili u tinfurmaw lil min ressaq l-ilment minnufih b'kull żvilupp fuq l-ilment li jkun ressaq. Tħallux in-nies igorru li mhux qed ikunu infurmati u ma jafux x'qed isir mill-ħidma tagħkom.
Fiż-żmien li ġej se nkun qiegħed nara li kull Kunsill jittrażmetti l-laqgħat tal-kunsill fuq l-internet, din hija waħda mill-miżuri ta’ kif nistgħu nersqu eqreb lejn in-nies. Hija responsabiltà tagħkom li tinfurmaw lin-nies u żżommuhom aġġornati bil-ħidma tagħkom. Il-fatt li jsiru l-laqgħat pubbliċi annwali u ma jkollkomx attendenza mhix skuża biex tgħidu li n-nies mhux qiegħed jinteressahom ix-xogħol tal-Kunsill. Iż-żminijiet jinbidlu u aħna rridu ninbidlu wkoll u għalhekk għandna naraw x'inhuma l-mezzi l-aktar effettivi u nużawhom.
Illum għandna mezzi elettroniċi li rridu nużawhom, ma nistgħux nibqgħu b'sitwazzjoni fejn għandna numru ta’ kunsilli lokali li lanqas għandhom website jew li mhix aġġornata.
Għandna Kunsilli Lokali jibagħtu mail shots b'mod frekwenti u oħrajn li qatt ma bagħtu waħda.
Oħrajn qegħdin jagħmlu użu mill-Facebook u forsi anke bi Twitter, hu x'inhu l-mezz ta’ komunikazzjoni, l-importanti li n-nies ikunu kontinwament infurmati bil-ħidma li tkunu qegħdin twettqu.
Kumitati Amministrattivi:
L-esperjenza tal-Kumitati Amministrattivi ma tantx hija waħda pożittiva, almenu din hija l-indikazzjoni li għandi jiena. Jeżistu ċirkostanzi fejn hemm nuqqas ta’ koordinament bejn il-kumitati u l-Kunsilli Lokali, xi kultant tista’ anke tidħol ċertu pika.
Dan m'għandux ikun u fil-jiem li ġejjin se nkun qiegħed norganizza laqgħat mal-Kumitati Amminsitrattivi u anke mal-Kunsilli Lokali fejn għandhom dawn il-kumitati għax nemmen li huwa fl-interess ta’ kulħadd li jkun hemm koordinament u koperazzjoni fl-interess tar-residenti anke ta’ dawk li joqogħdu f'inħawi li mhumiex fiċ-ċentru tar-raħal.
Kumitati Regjonali:
L-istess bħal Kumitati Amministrattivi il-Kumitati Reġjonali għandhom bżonn direzzjoni differenti minn dik li ġew mogħtija sal-lum. Ma jistax ikun li l-enerġija kollha qiegħda tinħela fuq is-sistema ta’ infurzar meta anke din is-sistema għandha bżonn riforma li permezz tagħha rridu nippruvaw niksbu l-fiduċja tan-nies.
Illum teżisti sitwazzjoni fejn ma’ kull min titkellem fuq din is-sistema kulħadd jgħidlek li hija ħażina, li mhix ġusta u toħloq inkonvenjent kbir.
Mhux aċċettabbli għaliha li jibża’ jkollna sistema ta’ infurzar lokali jiġifieri sistema ta’ Gwardjani Lokali li qiegħda hemm mhux biex teduka imma biex timmulta biss. Irridu nirriformaw is-sistema ta’ gwardjani lokali. Din ir-riforma trid tkun waħda pożittiva fejn wara konsultazzjoni wiesgħa naslu għal sistema fejn il-gwardjani lokali ikunu tabilħaqq il-vera gwardjani taċ-ċittadin.
Għalhekk taħt it-tmexxija tiegħi bħala Segretarju Responsabbli mill-Gvern Lokali qed insejjaħ lill-Presidenti tal-Kumitati Regjonali u l-iStakeholders kollha sabiex naraw kif jista’ jkollna sistema li tkun aktar effettiva, edukattiva u ġusta. Qed nimpenja ruhi biex ir-riforma tal-Gwardjani Lokali tkun lesta sa kemm jista’ jkun malajr.
Il-Pern ta’ din ir-riforma jrid ikun ibbażat fuq sistema li tiswa anqas u li toħloq bilanċ bejn l-interessi taċ-ċittadin, tal-istat u l-opera minn naħa l-oħra. Mhux aċċettabbli li l-Gwardjan Lokali jibqa’ jiġi trattat mingħajr dinjità għaliex dan ukoll huwa ħolqa importanti fis-sistema li qiegħda hemm l-ewwel u qabel kollox biex isservi liċ-ċittadin u mhux tippenalizza liċ-ċittadin. Għalhekk f’din ir-riforma il-Gwardjan Lokali irid ikun stmat, mismugħ u mogħti l-ordni neċessarji biex iwettaq ħidmietu.
Inħarsu ’l quddiem b’fiduċja:
Sinjuri kunsilliera. Irridu nisimgħu aktar milli nitkellmu. Irridu nagixxu. Irridu nimplimentaw. Il-ministeru tiegħi mhux ser jibqa’ maqful fl-uffiċċju imma ser jinżel fit-toroq biex jisma’ liċ-ċittadini u jisma’ wkoll lilkom kunsilliera.
Għal dan il-għan biex niċċelebraw l-għoxrin sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali u flimkien inħejju it-triq ’il quddiem aktar tard din is-sena ser inlaqqa konvenzjoni tal-kunsilliera ħalli hemmhekk napprovaw roadmap li ser tkun qed titħejja, bil-għajnuna ta’ kulħadd, biex il-kunsilli lokali ta’ bilħaqq ikunu fuq in-naħa tal-familji u tan-negozji u mhux fuq in-naħa tal-burokrazija.
F'din ir-roadmap irridu nieħdu kont ukoll ta’ dawk li darba wara l-ohra qed jagħżlu li ma jipparteċipawx fil-proċess demokratiku li jeleġġi l-kunsilli lokali tagħna. Fl-aħħar elezzjoni kellna ftit anqas minn 20 fil-mija tal elettorat li ma ħariġx jivvota. Tgħiduli fejn pajjiżi oħrajn dak huwa ftit. Imma l-attitudni tal-ministeru tiegħi taħsibha differenti.
Irrid inkun naf għaliex dawk l-għoxrin fil-mija għażlu li ma joħorġux jivvotaw. X'messaġġ riedu jibagħtu? X'riedu jgħidulna dawk li fid-disgħa ta' Marzu u l-elezzjonjiet preċedenti għażlu li ma jipparteċipawx f'dan il-proċess demokratiku.
Għalhekk bħala l-ewwel pass li ser jieħu l-ministeru tiegħi biex jerġa’ jqajjem interess ġdid fil-Kunsilli Lokali, kif ukoll bħala r-rigal li din l-amministrazzjoni qed tagħti fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-kunsilli lokali qed ninkariga lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali biex jibda komunikazzjoni mal-kap tal-Kumisjoni Elettorali ħalli jistabilixxi l-mod li bih żgħażagħ ta’ sittax-il sena jingħataw id-dritt li jivvutaw fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u tal-Kumitati Amministrattivi.
Wara li nirċievi dan il-parir min-naħa tal-Kummisjoni Eletorali jiskatta l-proċess ta’ diskussjoni biex din il-proposta li għamilna fil-manifest eletorali u li permezz tagħha ser tinkoraġixxi aktar il-parteċipazzjoni miż-żgħażagħ fil-livell lokali fuq qasam politiku tidaħħal fis-seħħ fl-20 ta’ Novembru 2013. Data li jien qed nagħżel bħala simboliku għal pass storiku li ser inkunu qegħdin nagħmlu biex għall-ewwel darba f'pajjiżna l-età tal-vot għal żgħażagħ fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali minn tmintax-il sena tinżel għal sittax.
Dan huwa r-rigal li din l amministrazzjoni ser tkun qed tagħti fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju mid-data storika tal-20 ta Novembru 1993 ... jum li fih saru l-ewwel elezzjonjiet tal-Kunsilli Lokali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en