Left arrow Mur Lura

TITWAQQAF KUMMISSJONI DWAR RIFORMA ĦOLISTIKA FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA

pr0445
Date Icon 24/03/2013

Il-Gvern, skont il-mandat elettorali li ngħata, ħatar b’effett immedjat Kummissjoni li se jkollha l-għan li sa l-aħħar ta' Ġunju tlesti review għal riforma ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja. Din ir-review tkun soġġetta għall-konsultazzjoni bil-għan li l-punti ewlenin tagħha jitwettqu sal-aħħar tas-sena.


Il-Kummissjoni hija waħda li tiġbor uħud mill-aqwa mħuħ legali fil-pajjiż u se tkun komposta mill-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello, li se jippresedi din il-Kummissjoni, l-Imħallef Emeritus Philip Sciberras, id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi l-Professur Kevin Aquilina u l-Avukat Dottor Ramona Frendo.

Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Dr Owen Bonnici f’konferenza stampa f’Kastilja.

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għall-Gustizzja, Owen Bonnici, irringrazzjaw lil dawn l-erba’ persuni distinti fil-qasam legali tal-kontribut li huma disposti jagħtu lill-pajjiż f’mument fejn il-qasam tal-ġustizzja jeħtieġ li jiġi riformat sabiex jittejjeb u jimxi ‘il quddiem.

Il-Kummissjoni se jkollha l-għanijiet li:

(a)    li tagħmel eżami tas-sistema tal-amministrazzjoni tal-ġustiżzja bl-għan li jiddaħħlu aktar checks and balances u kontabbilta’, mill-ħatra sal-operat tal-ġudikatura;

(b)   li tipproponi kif għandha tissaħħaħ tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja;

(c)    li tagħmel reviżjoni tas-sistema legali;

(d)   li tfassal Charter għaċ-Ċittadini fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

(e)    li tħejji pjan għat-twaqqif ta’ Qorti Ċivili Amministrattiva;

(f)     li tagħmel proposti għar-riforma tas-sistema tal-għajnuna legali biex jiġi assigurat aktar għajnuna lil min hu fil-bżonn;

(g)    li tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar metodi alternattivi dwar kif jiġu riżolti l-kawżi permezz tat-tisħiħ tal-medjazzjoni u l-arbitraġġ, mingħajr ebda xkiel ta’ dritt għal aċċess għall-qrati;

(h)    li tagħmel suġġerimenti dwar l-aħjar operat tal-Qorti tal-Familja;

(i)      li tfassal pjan dwar l-implimentazzjoni tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi, inkluż l-parole;

(j)     li tabbozza liġi dwar kif għandhom jiġu riformati l-Qrati t’Għawdex;

(k)   li jiġi nvestigat kif jista’ jsir użu aħjar tat-teknoloġija tal-informatika biex jitħaffef aktar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja;

(l)      li jitħejjew emendi għall-proċedura kriminali biex jiġu mgħaġġla s-smiegħ tal-kawżi kriminali u li l-patteġġjament jiġi estiż quddiem il-qrati inferjuri;

(m)  li jitħaffu s-seduti quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar;

(n)    li jsiru dawk ir-rakkomandazzjonijiet oħra li l-Kummissjoni jidhrilha xieraq għall-aħjar amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Is-seduti tal-Kummissjoni se jsiru sakemm ikun possibbli, fil-pubbliku u se ssejjaħ quddiemha lil kull min jidhrilha xieraq biex jesprimi l-veduti tiegħu jew tagħha dwar ir-riformi li jeħtieġu jsiru fil-Qasam  tal-Ġustizzja.

Il-Kummissjoni se żżomm konsultazzjoni wiesgħa mas-setturi involuti fil-qasam tal-ġustizzja tas-soċjeta’ Maltija bħall-Kamra tal-Avukati, Kamra tal-Prokuraturi Legali, Kunsill Notarili, il-Ġudikatura, l-Avukat Ġenerali, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, id-Direttur Ġenerali (Qrati) u r-Reġistraturi tal-Qrati, l-Avukat għall-Għajnuna Legali, il-Medjaturi, l-Avukat tat-Tfal, il-Kummissarju tal-Pulizija, is-servizz tal-probation, il-Faċilita’ Korrettiva, rappreżentanti tal-priġunieri, konsumaturi, persuni li jirrikorri għas-servizz tal-qrati, dipartimenti tal-Gvern u enti morali mwaqqfa bil-liġi fost oħrajn.

Il-Gvern jemmen li dan ir-review se jsarraf fi sforz kollettiv biex is-settur tal-ġustizzja jagħmel qabża ta’ kwalita’ ‘l quddiem għal demokrazija iktar b’saħħitha u għall-ġid taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow