MALTA TINGĦAQAD MA’ 152 IEĦOR U TIPPARTEĊIPA FL-EARTH HOUR
Malta ser tingħaqad ma’ aktar minn 152 pajjiż ieħor għada s-Sibt, 23 ta’ Marzu meta tkun qed tipparteċipa fl-inizjattiva Earth Hour. Waqt din is-sitt edizzjoni ta’ Earth Hour, li se tittella’ bejn it-8.30pm u d-9.30pm tas-Sibt li ġej, kulħadd huwa mħeġġeġ biex jitfi d-dawl waqt din is-siegħa.
Il-Bombi l-Floriana, is-swar u l-Kattidral tal-Mdina se jkunu mitfijin u b’hekk jingħaqdu ma’ lista ta’ postijiet prominenti madwar id-dinja li ser jintfew għal dan l-avveniment. Ta’ min isemmi li għall-ewwel darba, ser tintefa l-Pjazza l-Ħamra ġewwa Moska. F’Malta, numru ta’ kumpaniji privati se jissieħbu f’din l-attività. Fost dawn ta’ min isemmi l-banek HSBC u Banif li ser jitfu d-dwal fil-fergħat tagħhom. Numru ta’ ristoranti ser jitfu d-dawl u jużaw xemgħat matul il-lejl tas-Sibt. Il-Gvern jinsab infurmat ukoll li anke n-Nature Trust ħejjew attività għal din l-okkażjoni.
L-inizjattiva Earth Hour bdiet fl-2007 bl-involviment ta’ 2.2 miljun ruħ, bl-interess f’din l-attività jiżdied kull sena.
Il-Ministru Leo Brincat, filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa f’din l-inizjattiva, saħaq fuq il-bżonn li jiżdied l-għarfien u r-responsabilità ta’ kull individwu lejn x’jista’ jsir sabiex jitnaqqas l-impatt tal-bdil tal-klima. Din hija sfida li tista tingħeleb biss jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. Earth Hour hija inizjattiva importanti imma l-impenn tagħna għandu jkun lejn mentalità sostenibbli li tħares l-ambjent. Dan iseħħ biss jekk nibżgħu għar-riżorsi u nnaqsu l-konsum, speċjalment il-konsum żejjed.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en