LINJI PARALLELI LI JIMXU FL-ISTESS DIREZZJONI
Ir-relazzjonijiet bejn Gvern u Knisja u diversi suġġetti fl-istat tar-relazzjonijiet ta’ bejniethom tqanqlu waqt l-ewwl żjara ta’ kortesija li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel lill-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona u l-Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali, Mons. Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof.
F’kelmtejn ta’ merħba, L-Arċisqof qal li l-knisja lesta tgħin lill-poplu Malti f’kollox u lesta tidħol fi djalogu li jagħti l-frott kemm mal-Prim Ministru kif ukoll mal-Partit Laburista għall-ġid komuni ta’ Malta.
Kollaborazzjoni bejn Stat u Knisja
Il-Prim Ministru qal li l-messaġġ tal-Gvern il-ġdid huwa ċar ħafna. Il-Gvern jikkunsidra lill-Knisja bħala parti essenzjali mis-soċjetà Maltija u għad għandha rwol importanti ferm x’taqdi mil-lat spiritwali u soċjali. Dr. Muscat qal li l-Gvern qed iħares ’il quddiem li ż-żewġ naħat jaħdmu f’awtonomija iżda b’rispett reċiproku lejn xulxin u b’separazzjoni ċara bejn Stat u Knisja. Il-Prim Ministru qal li l-ewwel laqgħa wriet li hemm konverġenza bejniethom, bit-tnejn ikollhom l-istess linja ta’ ħsieb li jimxu ’l quddiem f’linji paralleli li jimxu fl-istess direzzjoni. Dr. Muscat qal li assigura lill-Arcisqof fil-kontinwazzjoni tal-kollaborazzjoni tal-Gvern fost l-oħrajn fis-sistema tal-finanzjament tal-iskejjel tal-knisja, li hija ovvja u essenzjali. Qal li qed inħarsu ’l quddiem li nitkellmu mal-knisja dwar id-djar tat-tfal u tal-anzjani u fl-affarijiet kollha li bihom Stat u Knisja jistgħu jikkollaboraw flimkien.
Negozjati mas-Santa Sede dwar is-supremazija tal-Qrati Ċivili Maltin
Il-Prim Ministru qal li għarraf lill-Arċisqof l-intenzjoni tal-gvern il-ġdid li jindika lis-Santa Sede l-bżonn ta’ diskussjoni għal bidla fil-liġi kif previst fil-ftehim bejn iż-żewġ naħat.
Qal li Gvern ġdid se jikteb lis-Santa Sede biex jitlob laqgħat ta’ diskussjoni biex il-qrati ċivili Maltin ikunu l-qrati supremi fil-kwistjoni tal-liġi dwar iż-żwieġ. Il-Prim Ministru qal lid an se jsir f’sens ta’ rispett reċiproku, fl-isfond tal-mandat li l-gvern ghandu u f’sens ta’ tama sabiex il-ftehim ma jkunx unilaterali min naħa ta’ Malta iżda jkun ftehim reċiproku bejn iż-żewġ naħat.
L-Arċisqof Cremona min-naħa tiegħu qal li l-Knisja tat ir-responsabbiltà u dispożizzjoni tagħna biex titkelltm dwar din il-kwistjoni li sostna li diġà kienet f’moħħa. Qal li ż-żewġ naħat se jkomplu jitkellmu bejniethom biex jaraw x’se jkun l-aħjar għal poplu Malti għal dik li hu anke żwieġ quddiem l-istat ukoll.
Ir-reliġjon u l-konvenzjoni kostituzzjonali
Il-Prim Ministru qal li se jkun hemm laqgħat oħra dwar kwistjonijiet bejn iż-żewġ naħat u wera li lest ikun ta’ interlokultur mal-Kurja. Qal li fil-jiem li ġejjin se jħabbar l-ewwel punti tat-tluq dwar riformi fil-qrati u dwar il-konvenzjoni kostituzzjoni li se twelled it-tieni Repubblika. Huwa tenna l-konvinzjoni tal-Gvern Laburista li r-reliġjon Kattolika żżomm postha fil-kostituzzjoni. Il-Prim Ministru awgura li l-knisja, flimkien mal-elementi l-oħra kollha tas-socjetà, tieħu rwol attiv fil-konvenzjoni.
Libertajiet civili u unjoni ċivili bejn koppji tal-istess sess
Il-Prim Ministru qal li jifhem li l-pożizzjoni tal-knisja kattolika hi li ma taqbilx maż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess. Madanakollu l-Gvern se jwettaq il-mandat elettorali ċar ħafna li fost oħrajn jitlob għal leġislazzjoni dwar l-unjoni ċivili.
L-Arċisqof qal li l-fatt li jkun hemm leħen ieħor fil-kwistjoni jagħmel ġid lill-pajjiż. Qal li huwa dmir tal-knisja li ssemmi ukoll il-fidi tagħna.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en