IL-POLITIKA DWAR IL-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA SE TKUN IMFASSLA FI ĦDAN IL-MINISTERU TAL-ENERĠIJA, BIEX IL-MALTA RESOURCES AUTHORITY TKUN VERAMENT AWTONOMA
Minn April, Il-Policies dwar il-Konservazzjoni tal-Ilma ukoll se jkunu qed isiru fi ħdan il-Ministeru tal-Enerġija u mhux aktar fi ħdan l-awtorita’ Maltija għar-riżorsi. Dan bil-għan li l-MRA tkun tista topera bħala operatur indipendenti waqt li l-Ministeru tal-Energija jiffoka fuq il-policies.
Dan tħabbar illum, mill-Ministru tal-Energija u l-Konservazzjoni tal-Ilma l-Onorevoli Konrad Mizzi waqt żjara li għamel fl-impjant tar-Reverse Osmosis f’Pembroke fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-ilma.
Qal li kif tenfasizza r-riżoluzzjoni addottata mill-Assemblea Generali tal-Ġnus Maqgħuda, dan il-gvern jemmen li l-ilma huwa riżors fundamentali u importanti ħafna għall-iżvilupp sostenibbli.
Il-Ministru Mizzi qal li fis-sena internazzjonali tal-koperazzjoni tal-ilma, ir-riżoluzzjoni tal-Ġnus Maqgħuda tinkoraġixxi lill-istati membri biex jippromwovu l-azzjonijiet kollha neċessarji biex dawn il-miri jkunu jistgħu jintlaħqu bl-aktar mod effettiv.
Qal li bil-politika li dan il-gvern se jkun qed imexxi l-quddiem irid joffri s-soluzzjonijiet li jwasslu biex ikun salvat l-ilma.
L-onorevoli Mizzi qal li sa mill-ewwel ftit jiem, diġa bdiet ħidma biex jitħejja u jiġi implimentat Pjan Nazzjonali favur is-sostenibilita’ u l-immaniġġjar aħjar tal-ilma.
L-Onorevoli Mizzi qal li l-gvern se jkun qed iħares bis-serjeta’ lejn pjani eżistenti bħal dawk tal-Water Catchment Management u Sewage Master Plan u kif dawn jistgħu jiġu aġġornati u integrati fil-pjan nazzjonali.
Semma wkoll il-konservazzjoni u użu aħjar tal-ilma tax-xita,incentivi li jippromwovu sistemi ta’ riċiklagg tal-ilma fid-djar u kampanji edukattivi favur il-konservazzjoni tal-ilma.
Qal li kif sar tant tajjeb diġa f’Għawdex, permezz ta’ proġett pilota, f’Malta se jkun provdut water saving kit lil kull familja biex jitnaqqas il-konsum tal-ilma.
Il-Ministru Mizzi qal li l-gvern qed iħares l’quddiem biex pajjiżna jsir ċentru ta’ eċċellenza fil-Mediterran f’dan il-qasam billi jippromwovi koperazzjoni mal-pajjiżi ġirien. Qal li pajjiżna għandu ħafna x’joffri minn lat ta’ informazzjoni, mill-esperjenza f’dan il-qasam fejn il-Korporazzjoni tal-Ilma jista jkollha rwol kbir f’dan kollu.
Faħħar, il-ħaddiema kif ukoll il-progress tal-korporazzjoni fil-proċess ta’ desalinazzjoni iżda saħaq li l-gvern xorta huwa kommess li jagħmel aktar biex itejjeb dan il-proċess billi jħares lejn aktar teknoloġija moderna li tkun aktar effiċjenti, anke biex inaqqas il-konsum tal-enerġija li tkun meħtieġa f’dan il-proċess.
L-Onorevoli Mizzi kien milqugħ mill-Kap eżekuttiv tal-Korporazzjoni tal-Ilma is-Sur Marc Muscat u mill-Head of Operations David Sacco li minn naħa tagħhom spjegaw ix-xogħol li jsir f’dan l-impjant.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en