SISTEMI GĦAN-NIES U MHUX IN-NIES GĦAS-SISTEMI
Kull bidla fis-servizz pubbliku trid tkun indirizzata biex tagħti servizz aħjar liċ-ċittadini li qed iħallsu t-taxxi biex fost oħrajn jieħdu s-servizz. Fiż-żmien li ġej irridu naħdmu flimkien biex tinbidel il-mentalità li tpoġġi n-nies għas-sistemi. Is-sistemi għandhom ikunu għan-nies u mhux il-kontra.
Dan qalu s-Segretarju Permanenti Prinċipali designate s-Sur Mario Cutajar lill-Forum tal-Unions Maltin. Din kienet l-ewwel darba li Kap taċ-Ċivil indirizza lill-Kunsill tal-Forum tat-Trade Unions Maltin.
Is-Sur Cutajar fisser li bħal kull provvediment ta’ servizz, is-servizz pubbliku jistrieħ fuq ir-riżors uman u allura għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq kif ir-rizors uman fis-servizz pubbliku jingħata l-ispazju meħtieġ biex jitħarreġ iktar u jiffoka iktar fuq servizz li jħares iktar ’il barra lejn il-klijent li jrid jinqeda milli ’l gewwa lejn is-sistemi li nbnew biex iħarsu is-sistema.
Filwaqt li fisser li kien pass tajjeb ’il quddiem li jinħoloq iċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ (Centre for Development Research and Training), is-Sur Cutajar qal li madankollu jrid ikun hemm pont iktar b’saħħtu bejn x’jinħtieġ biex jingħata servizz aħjar u t-taħriġ meħtieġ biex dan jingħata. Irrid ikun hemm iktar sinerġija bejn it-tfassil ta’ oġġettivi li jridu jintlaħqu mid-dipartimenti u taqsimiet fis-servizz pubbliku u l-mod kif dawn għandhom jintlaħqu u t-taħriġ meħtieġ inkunu żguri li dawn għanijiet jintlaħqu.
Min-naħa l-oħra jrid ikun hemm ukoll sistemi ta’ komunikazzjoni iktar effettivi għax ħafna drabi l-livell fejn jittieħdu deċiżjonijiet dwar kif għandu jingħata servizz ikun ferm ’il bogħod minfejn effettivament jingħata s-servizz. Il-komunikazzjoni trid tkun effiċjenti u effettiva mhux biss minn fuq għal isfel imma wkoll minn isfel għal fuq. Sistemi effettivi bħal dawn iridu jinbnew mill-qiegħ u jridu jinbnew mat-twettiq tat-tibdiliet meħtieġa biex titnaqqas il-burokrazija żejda.
Il-president tal-Forum Unions Maltin is-sur Paul Pace qal li din kienet l-ewwel darba li Segretarju Permanenti Prinċipali designate kellem lil Forum. Huwa ta rendikont tas-sehem tal-Forum fl-oqsma trejdunjonistiċi u anke fuq livell nazzjonali. Ilmenta dwar il-ftehim kollettiv taċ-ċivil li ġie ffirmat minn unjon waħda anke jekk din ma rrappreżentatx lill-unions kollha tas-servizz pubbliku.
L-MUMN tħaddan fi ħdanha ħdax-il union minn diversi oqsma fosthom l-edukazzjoni, l-Air Malta, l-MEPA, il-Bank Ċentrali, l-EneMalta, periti tal-Gvern fost l-oħrajn.
Tul il-laqgħa saret diskussjoni dwar diversi oqsma fosthom dwar il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, li tiegħu s-sur Cutajar huwa l-viċi Chairperson, il-miżuri dwar il-familja (family friendly measures), il-kodiċi ta’ dixxiplina fis-servizz pubbliku, ir-relazzjonijiet bejn il-unions infushom u kif unions individwali fl-imgħoddi mhux imbiegħed ingħataw trattatament preferenzjali bla ebda konsultazzjoni u b’eskluzzjoni totali ta’ unions oħra minkejja l-għarfien waħdieni li dawn seta’ kellhom fl-oqsma tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en