SEJĦA PUBBLIKA TA’ ESPRESSJONI TA’ INTERESS FUQ LIVELL INTERNAZZJONALII GĦALL-BINI TAL-IMPJANT IL-ĠDID F’APRIL
F’April li ġej, il-Ministeru għall-Energija u l-Konservazzjoni tal-Ilma se jkun qed joħroġ sejħa pubblika ta’ espressjoni ta’ interess fuq livell internazzjonali, għal dawk l-istakeholders kollha li huma interessati fil-bini tal-impjant il-ġdid li se jkun qed jaħdem bil-gass.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Energija, Konrad Mizzi meta dalgħodu kien qed jindirizza il-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli fi ħdan l-Università ta’ Malta, u li saret fil-lukanda Dolmen f’Buġibba.
Il-Ministru Mizzi qal li fl-aħħar jiem żar bosta entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u ltaqa’ mal-kapijiet u l-ħaddiema tagħhom. L-għan ewlieni ta’ dawn il-laqgħat kien li permezz tagħhom ikun jista’ jinbeda proċess ta’ kollaborazzjoni f’dan il-qasam fejn isiru magħrufa l-isfidi fl-istess waqt li jkunu sfruttati l-opportunitajiet kollha eżistenti.
Qal li għal dan l-għan se jkunu qed jiġu appuntati policy coordinators fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma.
L-Onorevoli Mizzi qal li wara li saret konsultazzjoni mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi ġie deċiż li grupp ta’ esperti, minn April li ġej se jkunu qed jaħdmu fuq il-policies tal-enerġija sabiex b’hekk l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi tkun tista’ tiffoka fuq ir-regolamentazzjoni. Permezz t’hekk, l-MRA se tkun tista’ topera bħala operator indipendenti.
Fl-istess waqt li l-Ministeru jkun jista’ jiffoka fuq l-enerġija, l-enerġija rinovabbli, policies u inizjattivi marbuta ma’ enerġija effiċjenti.
Waqt il-konferenza, il-Ministru għall-Enerġija qal li l-Gvern se jkun qed jevalwa l-pjani nazzjonali għall-enerġija rinovabbli u għall-effiċjenza biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tal-elfejn u għoxrin.
Il-laqgħa Ġenerali Annwali kienet indirizzata wkoll mill-Professur Robert Ghirlando li huwa d-Direttur tal-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli fi ħdan l-Università ta’ Malta li min-naħa tiegħu qal li jinsab kuntent li għall-ewwel darba pajjiżna għandu Ministru għall-Enerġija filwaqt li awguralu għall-ħidma tiegħu f’dan il-qasam.
Uffiċċju fl-Impjant ta’ Delimara
F’Kummenti li ta lill-mezzi tax-xandir fi tmiem ta’ din il-konferenza, Il-Ministru Konrad Mizzi ħabbar li l-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma mistenni jwaqqaf uffiċċju fl-impjant tal-powerstation ta’ Delimara.
L-Onorevoli Mizzi spjega li l-għan ta’ dan l-uffiċċju se jkun biex ikun żgurat li jitwettaq il-pjan tal-Gvern għall-bini tal-impjant il-ġdid li se jkun qed jopera bil-gass.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en