IL-GVERN SE JSAĦĦAĦ L-IRWOL TAL-KUMMISSARJU GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA
Waqt li kienet qed titkellem f’konferenza internazzjonali dwar il-privatezza fuq l-internet u l-protezzjoni tad-data personali, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, l-Onor. Helena Dalli, qalet li matul din il-leġislatura l-irwol tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data se jissaħħaħ sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni personali tal-individwi ma tkunx użata għal skopijiet oħra mill-istat jew minn entitajiet oħra, inkluż is-settur privat.
Il-Ministru Dalli qalet li hi tinsab pożittiva li dwar is-suġġet tal-privatezza, suġġett importanti li għandu impatt fuq iċ-ċittadini kollha, se jkun hemm attitudni mhix partiġġjana mill-politiċi. Dr Dalli qalet li dibattitu pubbliku b’moħħ miftuħ dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, bla dubju se jqajjem diskussjoni dwar l-aspetti legali tal-imġieba fuq l-internet, inkluż il-bilanċ li jrid jintlaħaq bejn id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-ħajja privata.
Dr Dalli kienet qed titkellem fil-preżenza tal-‘European Data Protection Supervisor’, is-Sur Peter Hustinx, li kien il-kelliem prinċipali fil-konferenza. Il-‘European Data Protection Supervisor’ huwa awtorità indipendenti ta’ sorveljanza li tħares il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza u tipromwovi prattiċi tajba fl-istituzzonijiet tal-Unjoni Ewropea u korpi oħra.
Din il-konferenza hija organizzata mill-konsorzju CONSENT, wieħed mill-akbar proġetti ta’ riċerka li qed jinvestiga s-suġġett delikat tal-privatezza fuq l-internet, inkluż sistemi ta’ social networking bħal Facebook u Twitter. Dan il-proġett huwa kkoordinat mill-Università ta’ Groningen fl-Olanda b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Università ta’ Malta, li hija waħda mill-membri prinċipali tal-konsorzju. CONSENT huwa proġett maġġuri ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u huwa mistenni li jipproduċi policy brief u għodod għall-policy-makers u esperti fil-qasam legali. Ir-riżultati ta’ din il-konferenza internazzjonali li saret f’Malta se jkunu riflessi fil-verżjoni finali ta’ policy brief li se tkun preżentata lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew f’April.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en