IR-REGATTA – MUTUR WARA R-RIĠENERAZZJONI SOĊJALI TAL-PORT IL-KBIR
Ir-regatta hija potenzjal għar-riġenerazzjoni soċjali taż-żona tal-Port il-Kbir. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Dr. Stefan Buontempo f’konferenza li saret illum fejn matulha ġiet imnedija r-regatta ta’ Jum il-Ħelsien.
Ir-regatta din is-sena ser issir ġimgħa qabel peress li l-31 ta’ Marzu ser ikun l-Għid il-Kbir. Għalhekk bi qbil mal-klabbs tar-regatta din tressqet u ser issir is-Sibt 23 ta’ Marzu. Dr. Buontempo qal li r-regatta hija ħolqa ma’ avvenimenti oħrajn biex pajjiżna jkompli jiżviluppa turiżmu sostenibbli, turiżmu msejjes fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-poplu.
Huwa żied jgħid li r-regatta hija wkoll parti minn katina li permezz tagħha pajjiżna jista’ jifrex is-swieq turistiċi tiegħu biex b’hekk inkunu nistgħu nattiraw aktar turiżmu sportiv. L-Onor. Buontempo tenna li għalih huwa ta’ sodisfazzjon kbir li bħala Segretarju Parlamentari ser ikun hu responsabbli minn din it-tellieqa tradizzjonali tar-regatta li taf il-bidu tagħha minn żmien il-kavallieri.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li r-regatta tirrapreżenta parti mill-benniena kulturali u storika ta’ Malta, benniena li huwa magħruf għaliha l-Port il-Kbir. Dawn it-tiġrijiet, kemm dik tat-8 ta’ Settembru u anke dik tal-31 ta’ Marzu huma avvenimenti spontanji tagħna l-poplu Malti fejn qed infakkru żewġ festi nazzjonali importanti fil-kalendarju Malti.
Dr. Buontempo saħaq li biex pajjiżna jkun minn ta’ quddiem irridu niffukaw fuq dak li jagħmilna Maltin. Ir-regatta element ewlieni li jagħmilna Maltin, poplu magħruf għas-sengħa fil-qasam marittimu. Ir-regatta flimkien ma’ sports tradizzjonali bħalma hu l-logħob tal-boċċi u anke avveniment bħal Valletta Grand Prix, huma parti essenzjali fir-riġenerazzjoni soċjali tal-Port il-Kbir, huma parti essenzjali biex pajjiżna jkun kompetittiv fil-qasam turistiku.
Dr. Buontempo faħħar l-inizzjattiva ta’ Klabbs bħal dak ta’ Bormla fejn ġabu fondi mill-UE. Permezz ta’ dawn il-fondi trawmu żgħażagħ, li anke kien hemm minnhom bla xogħol, trawmu fil-bini tad-dgħajjes. Din is-snajja’ pajjiżna ma jistax jitlifha għax jekk jitlifha pajjiżna jkun tilef parti minn dak li hu, poplu marittimu.
Dr. Buontempo saħaq mar-rappreżentanti tal-Klabbs preżenti fuq l-importanza li jagħmlu partnerships ma’ klabbs barranin fejn permezz tagħhom il-membri u l-organizzaturi jkunu jistgħu jaqsmu u jiksbu esperejenzi ġodda.
Din it-tradizzjoni tirrapreżenta d-dgħajjes Maltin li huma simbolu għal pajjiżna. L-Onor. Buontempo wiegħed li ser jagħmel dak kollu possibbli biex sport bħal dan ma jintilifx biex pajjiżna ma jkomplix jitlef mis-sengħa marittima tiegħu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en