IL-GVERN JINNEGOZJA B'SUĊĊESS DEROGI GĦAL MALTA FIL-POLITIKA AGRIKOLA KOMUNI 2014-2020
Fl-ewwel parteċipazzjoni tiegħu fil-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali l-Onorevoli Roderick Galdes innegozja b’suċċess derogi għal Malta fi ħdan il-pakkett tar-Riforma tal-Politika Agrikola Komuni 2014-2020 sabiex il-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuniet marbuta ma’ din ir-Riforma.
Il-Kunsill tal-Ministri tal-Biedja u Sajd Ewropej sar ġewwa Brussels bejn it-Tnejn 18 u t-Tlieta 19 ta’ Marzu. Għal dan il-Kunsill attendew il-Ministri tal-Biedja u Sajd mill-pajjiżi membri tal-EU.
Dan il-Kunsill, li kien il-qofol ta’ diskussjonijiet li bdew mat-tnedija tal-proposti ta’ riforma tal-PAK li ħejjiet il-Kummissjoni Ewropea f’Novembru tal-2011, beda t-Tnejn filgħodu u baqa’ għaddej sat-Tlieta filgħaxija b’taħdidiet intensivi bejn il-Ministri kollha, kif ukoll fuq bażi bilaterali. Din ir-Riforma tinvolvi bidliet kemm fir-regolamenti dwar l-għajnuniet finanzjarji diretti li jieħdu l-bdiewa u r-raħħala bħala fondi Ewropej, kif ukoll ir-regoli marbuta mal-Programm tal-Iżvilupp Rurali għall-perjodu 2014-2020. Fil-qafas ta’ dawn in-negozjati, Malta permezz tas-Segretarju Parlamentari Galdes esponiet żewġ punti kruċjali li għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet marbutin mas-settur tal-bdiewa u r-raħħala.
Sabiex tiġi assigurata l-għajnuna finanzjarja neċessarja lis-setturi sensittivi tar-raħħala u tat-tadam għall-ipproċessar fil-ġejjieni, Malta kisbet id-dritt li tħallas l-għajnuna neċessarja lil dawn il-bdiewa u raħħala, b’rabta mal-produzzjoni. B’hekk jiġi assigurat li huma jibqgħu jirċievu l-introjtu ġust marbut mal-attività tagħhom.
Malta irnexxiela wkoll tikkonvinċi lill-Kunsill tal-Ministri biex l-istatus tagħha bħala l-uniku pajjiż li t-territorju tiegħu kollu hu meqjus bħala żona żvantaġġata, jiġi aċċetat u inkluż li jagħmel parti mit-test legali fir-Regolament il-Ġdid dwar l-Izvilupp Rurali. B’hekk il-bdiewa Maltin u Għawdxin ser ikomplu jirċievu il-ħlas annwali marbut maż-żamma tal-art agrikola fi stat tajjeb, li permezz tiegħu il-biedja tkompli tissalvagwardja l-pajsaġġ rurali u l-ambjent f’pajjiżna. Din ir-referenza legali turi wkoll rikonoxximent tal-istatus speċjali li għandha l-biedja Maltija għall-ħarsien tal-ambjent fuq gżira żgħira.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en