IFFIRMAT L-EWWEL FTEHIM KOLLETTIV BEJN IL-ĦADDIEMA TAL-AWTORITÀ GĦALL-KOMPETIZZJONI U L-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR U L-GENERAL WORKERS UNION
F’ċerimonja qasira li saret kmieni wara nofsinhar fil-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur sar l-iffirmar tal-ftehim kollettiv bejn iż-żewg partijiet tal-MCCAA U l-GWU. Iċ-ċerimonja kienet preseduta mill-Ministru Jason Azzopardi. Iffirmaw dan il-ftehim, is-Sur Francis Farrugia, Chairman tal-Awtorita għall-Kompetizzjoni Ġusta u l-Affarijiet tal-Konsumatur u s-Sur Cory Greenland, Segretarju tas-sezzjoni Professjonisti, Finanzi u Servizzi għall-GWU.
Il-Ministru Azzopardi spjega li wara madwar sena ta’ diskussjonijiet bejn il-management tal-MCCAA u l-Union, fl-aħħar se jiġi ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv li se jkun ikopri perjodu ta’ tlett snin. Il-ftehim jinkludi pagi aħjar kif ukoll sistemi iktar flessibli ta’ xogħol.
Il-Ministru spjega li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat ma kienux faċli speċjalment meta wieħed iqis li din l-Awtorità li twaqqfet f’Mejju tal-2011, ġabet taħt saqaf wieħed dipartiment tal-Gvern bil-kundizjonijiet taċ-Ċivil. Tenna, iżda li bir-rieda tajba bejn iż-żewġ naħat, intlaħqu l-kompromessi meħtieġa biex jintlaħaq tali ftehim li tassew se jikkonsolida r-relazzonijiet bejn iż-żewġ partijiet.
Il-ftehim fost l-oħrajn jaħseb sabiex uffiċjali professjonali u dawk tekniċi jingħataw allowance biex ikomplu jiżvilupaw il-professjoni tagħħom. Ftehim ieħor importanti jiffoka fuq il-ħinijiet tax- xogħol li jistgħu jiġu aġġustati sabiex fis-sajf, il-ħaddiema jkunu jistgħu jaħdmu bin-nofs ta’ nhari jekk huma jagħżlu hekk. Ser tiddaħħal ukoll sistema volontorja ta’ medical insurance kontributorja li se tkun imaniġġjata mil-Awtorità f’isem l-impjegati u din se tkun miftuħa għal membri kollha tal- familji tal-impjegati. Sejrin jitwaqqfu u diga twaqqfu wkoll numru ta’ kumitati biex flimkien mal-management jindirizzaw dawk l-oqsma fejn ikollom bżonn attenzjoni speċifika.
Ir-rappreżentanti taż-żewġ naħat tennew li b’dan il-ftehim ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom se jitpoġġew fuq sisien sodi għal benefiċċju tal-impjegati ta’ din l-Awtorità.
Filwaqt li rringrazzja liż-żewġ partijiet għall-isforzi ġenwini li saru biex dan il ftehim jasal għal konklużjoni tiegħu, il-Ministru Azzopardi qal li jinsab ottimist li tali ftehim se jkun qed ikompli jkattar ir-relazzonijiet bejn iż-żewġ naħat li l-għan aħħari tagħhom hu li joffru l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol lill-ħaddiema u li jarawhom jaħdmu f’ambjent għal qalbhom.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en