INAWGURAT CHILD CARE CENTRE F’SAN ĠWANN
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Dolores Cristina, dal-għodu inawgurat iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Ħarsien tat-Tfal, “Is-Sardinella” li jinsab, San Ġwann. Dan kien l-għaxar Child Care Centre li kien inawgurat tul din il-leġiżlatura.
F’kelmtejn li għamlet il-Ministru Cristina qalet li dawn iċ-ċentri qed jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħafna familji filwaqt li qed jinħoloq aktar xogħol u opportunitajiet ġodda għaż-żgħażagħ tagħna.
Dawn il-faċilitajiet iservu biex it-tfal ikunu indukrati u edukati minn persuni professjonali u kwalifikati u fl-istess ħin jagħtu spazju lill-ġenituri biex ikunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Biex jikkumplimentaw dawn iċ-Ċentri twaqqfu wkoll numru ta’ ċentri tal-Klabb 3-16 li fihom it-tfal jistgħu jibqgħu wara l-ħinijiet tal-iskola, f’ambejnt żgur u fejn jistgħu jitgħallmu u jirrikreaw ruħhom.
Il-Gvern barra milli jipprovdi hu dawn il-faċilitajiet, għax jemmen fid-dritt tal-għażla tal-ġenituri, qed joffri inċnetivi lil min iħaddem biex jinvesti f’faċilita ta’ child care fil-post tax-xogħol tiegħu għal ulied l-impjegati tiegħu u jekk jagħmlu dan ikollhom tnaqqis ta’ €20,000 mid-dħul taxxabbli tagħhom.
Barra minn dan, kulmin jibgħat it-tfal f’child care centre privat qed igawdi minn tnaqqis ta’ €1300 mid-dħul taxxabbli u fil-fatt aktar minn 2,300 ġenitur qed igawdu minn din l-iskema.
Il-politika tal-Gvern li jibni aktar child care centres mhux biss qed tgħin lill-familji imma qed tagħti kontribut ukoll lill-ekonomija tal-pajjiż. Dawn iċ-ċentri jitmexxew minn ħaddiema professjonali u fil-fatt hemm korsijiet apposta fl-MCAST għal żgħażagħ li jridu jsiru carers li jaħdmu f’dawn iċ-ċentri. Illum hemm mal-500 student jistudjaw f’dan il-qasam u fis-snin li ġejjin se jkunu qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol imexxu dawn iċ-ċentri.
Dawn iċ-ċentri qed jgħinu biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol tant li fl-aħħar ħames snin kien hemm aktar minn 8,500 mara li bdew jaħdmu full-time jew part-time.
Fi tmiem id-diskors tagħha, il-Ministru Cristina rringrazzjat lill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi li tmexxi dawn iċ-ċentri kif ukoll il-Klabb 3.-16 u diversi servizzi edukattivi oħra. Irringrazzjat lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta-Għada li bniet dan iċ-ċentru fi żmien erba’ xhur flimkien mal-ħidma tagħha f’diversi skejjel ġodda u l-MCAST.
Il-Ministru Cristina awgurat li dan iċ-Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal iservi biex joffri lit-tfal ċkejknin li jattendu fih bidu tajjeb fil-ħajja biex isiru ċittadini tajbin.
Preżenti għall-ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari Clyde Puli.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en