Left arrow Mur Lura

IL-FARM TAL-GVERN F’GĦAWDEX JINBIDEL F’ĊENTRU TA’ RIĊERKA AGRIKOLA B’INVESTIMENT TA’ €1MILJUN

pr0349
Date Icon 05/03/2013

Fil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija saru diversi xogħlijiet ta’ ristrutturar u mmodernizzar b’investiment ta’ madwar €1 miljun, biex b’hekk dan is-sit joffri faċilitajiet bħala Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent. Dan ix-xogħol twettaq bħala parti mill-ħidma tal-Ministeru għal Għawdex skont il-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2010-2012 u jirrappreżenta wkoll it-twettieq ta’ wegħda oħra fil-programm elettorali ta’ dan il-Gvern. 

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, żaret il-post u setgħet tara  x-xogħlijiet li twettqu permezz ta’ dan il-proġett. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu xogħol estensiv ta’ titjib f’diversi siti fosthom fl-imqajel fejn jistgħu jinżammu annimali tal-irziezet, guva tal-għasafar kif ukoll spazju għat-trobbija tan-naħal.

Ġiet ristrutturata wkoll taqsima minn fejn tiġi koordinata ħidma marbuta mal-programm tal-Hands on Farming mal-iskejjel kollha f’Għawdex. Dan il-programm qed jissarraf f’esperjenza diretta li permezz tagħha studenti mill-iskejjel primarji Għawdxin jidraw japprezzaw aktar in-natura filwaqt li jaraw u jmissu b’idejhom annimali, pjanti, siġar u ħxejjex oħra li jitgħallmu dwarhom fil-kors tal-istudji tagħhom.

Element ewlieni f’dan il-proġett kien il-bdil ta’ serer li qed itejbu l-faċilitajiet u kabbru l-possibiltà ta’ studji dwar il-ħamrija u diversi prodotti agrikoli. Ġiet installata wkoll sistema kompjuterizzata li tipprovdi fertilizzant u tisqija li tilħaq kemm is-serer kif ukoll l-għelieqi ta’ dan is-sit li jkopri madwar 90 tomna ta’ art.  Inxtara wkoll makkinarju, apparat u attrezzaturi oħra ġodda.

Iċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent issa huwa f’pożizzjoni aħjar biex ikompli joffri servizzi għall-bdiewa u raħħala Għawdxin minn post ċentrali. Fost dawn jinżammu korsijiet u jingħataw pariri agrikoli filwaqt li tingħata wkoll għajnuna biex l-bdiewa u r-raħħal japplikaw għal skemi għal għajnuniet finanzjarji. Jiġu organizzati wkoll laqgħat informattivi fejn fost affarijiet oħra l-parteċipanti jiġu aġġoranti bir-riżultati tal-esperimenti li jkunu qed isiru fiċ-Ċentru.

Fost l-ewwel inizjattivi li ġew faċilitati permezz ta’ dan il-proġett, qed issir riċerka bil-kollaborazzjoni tal-Università ta’ Malta, li tinkludi sperimentar dwar l-isterilizzazzjoni tal-ħamrija b’metodi naturali mingħajr l-ebda użu ta’ kimika, kif ukoll l-irkuprar tat-trobbija tat-tiġieġa s-sewda Maltija.

F’dan iċ-ċentru ġew imħawla wkoll aktar siġar, fosthom madwar 500 siġra u arbuxelli indiġeni bħala parti mill-proġett SIMBIOTIC, li jippromwovi r-rabta ekoloġika bejn ix-Xlokk ta’ Sqallija u Għawdex permezz ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-abitat naturali. Iz-zona fejn dan l-aħħar sar it-taħwil ser tipprovdi sit naturali li jiffaċilità l-istudji f’ambjent naturali protett.

Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif ix-xogħol li sar jixhed l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex fit-twettieq ta’ programm ta’ ħidma li jolqot diversi setturi soċjo ekonomiċi f’Għawdex. Żiedet tfisser kif minbarra li jkompli jtejjeb il-faċilitajiet u s-servizzi li jingħataw lil bdiewa u r-raħħala Għawdxin, dan il-proġett ser ikompli jagħti wkoll sostenn u għajnuna biex is-settur agrikolu f’Għawdex jibqa’ jissaħħaħ. Iċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent għandu l-għan li jippromwovi prattiċi agrikoli li jirrispettaw is-saħħa u l-ambjent filwaqt li jintroduċi sistemi ġodda fil-qasam agrikolu f’Għawdex, liema qasam għandu importanza kbira fil-preservazzjoni tal-ambjent rurali ta’ Għawdex u l-kontribut ekonomiku fis-settur. ‘Kien għalhekk li ankè f’din il-leġiżlatura wettaqna wkoll proġetti oħra fosthom il-bini ta’ biċċerija ġdida, li l-ambjenti tagħha joffru l-faċilitajiet għar-raħħala filwaqt li huma konformi ma’ standards internazzjonali għal benefiċċju tal-konsumatur’, qalet il-Ministru għal Għawdex.  Il-Ministru semmiet ukoll it-twaqqif ta’ suq tal-bdiewa f’Għawdex fejn il-bdiewa għandhom opportunità li jbigħu l-prodotti tagħhom direttament lill-konsumatur.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow