Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINSITRU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAĊ-ĊENTRU TAS-SAĦĦA TAL-MOSTA, IL-MOSTA - IT-TNEJN, 4 TA' MARZU 2013

pr0346
Date Icon 04/03/2013

Prim Ministru,

Sindku,

Sinjuri,

Is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi dejjem kienet prijorita` tul dawn il-ħames snin ta’ dan il-Gvern. Xhieda ta’ dan hija din l-okkażjoni tal-lum, fejn qegħdin ninawguraw il-ftuħ mill-ġdid taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Entita` importanti fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.

Tul din il-leġislatura irsistejna b’mod kontinwu u konsistenti sabiex nagħtu anke lis-settur tal-kura primarja pożizzjoni ewlenija, kif inhu xieraq li jkollu dan is-settur f’kull sistema tas-saħħa. Nuqqas f’dan is-settur tal-kura primarja jikkomprometti l-effiċjenza ta’ setturi oħra fi ħdan is-sistema tas-saħħa u l-għarfien ta’ dan il-fatt huwa rifless fil-pjan ta’ ħidma tagħna.

Bnejna u stabillixxejna settur tas-saħħa sekondarju u akut sod, bi sptar ewlieni, l-isptar Mater Dei, imdawwar bi sptarijiet li jaħdmu f’katina madwaru. Nixtieq nieħu l-opportunita` li nsellem lil ħaddiema kollha fl-isptarijiet tagħna – ħolqa kbira fil-katina tas-sistema tas-saħħa li tant rat investiment f’dawn l-aħħar snin. Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija huwa l-aħħar timbru ta’ l-impenn ta’ din l-amministrazzjoni li tassigura l-aħjar servizz tas-saħħa, għal kull individwu f’pajjiżna.

Saħħaħna wkoll l-kura fil-komunita`, b’investiment kontinwu. Kabbarna s-settur terzjajru b’tiġdid ta’ servizzi konsistenti. Hawnhekk ippermettuli nsellem lil Onor. Mario Galea għad-direzzjoni u impenn tiegħu f’dawn l-oqsma. Dawn l-anzjani llum sabu dar u kenn fis-swali ta’ SVPR; dawk l-individwi morda, ħafna minnom b’mard kroniku, illum jirċievu kull forma ta’ għajnuna f’darhom stess, u dawn jistgħu jkunu xhieda tal-progress li sar fis-settur tas-saħħa terzjarja.

L-għan tagħna kien dejjem wieħed: li nsaħħu u nsebħu kull binja f’dan is-settur, filwaqt li nassiguraw riżorżi umana u swali li jkunu mgħammra b’apparat tal-aħjar kwalita` u teknoloġija moderna. Hekk biss nistgħu noffru qabża ta’ kwalita` fis-settur tas-saħħa. 

Dan it-tiġdid ma sarx waħdu. Bdejna bi studju u analiżi serja tas-sitwazzjoni eżistenti. Dan l-eżerċizzju wassal għall-iżvilupp ta’ proposta għal riforma kbira. Wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa tal-imsemmija proposta, bdejna nwettqu, pass wara pass il-frott ta’ din il-konsultazzjoni: l-introduzzjoni tal-myhealth, sistema realtime ta’ informazzjoni u data tal-pazjent fis-sistema tas-saħħa, l-introduzzjoni ta’ clinics tal-kura primarja, u ħafna oħrajn.

Illum b’sodisfazzjon qegħdin niftħu dan iċ-Ċentru Reġjonali tas-saħħa li se joffri firxa wiesgħa ta’ clinics, firxa akbar ta’ professjonisti, servizzi u interventi. U dan kollu fuq medda ta’ ħinijiet itwal matul il-ġranet kollha tal-ġimgħa. Insemmi per eżempju l-wound care room, li ser ikun servizz fejn il-kura tal-feriti ta’ nies li jgħixu f’dawn l-inħawi ser tkun provduta b’mod aktar komdu u servizz fil-viċin. Dawn il-fatturi kollha huma vantaġġi li għandhom jissarfu tajjeb lejn il-kura u fejqan tal-pazjent. Il-plaster room, il-minor interventions room, huma wkoll żviluppi oħrajn  li ser jgħinu għal servizz aktar komdu, konvenjenti u effettiv għal kull individwu li jirrikejdi dan is-servizz.

Dawn is-servizzi u clinics ġodda sejrin jgħinu wkoll biex itaffu mid-domanda enormi li Mater Dei qiegħed jesperjenza. Interventi kirurġiċi żgħar, u kura ta’ feriti u ġibs għal ksur, li huma wħud mis-servizzi li ser ikunu provduti hawn. Dawn is-swali u servizzi ġodda mhux biss ser joffru ambjent mill-aqwa għall-professjonisti imma wisq aktar joffru trattament tal-ogħla kwalita` lill-pazjenti li ser jużawhom.

Li pazjent ikun moqdi aħjar, kien, għadu u jibqa’ l-għan aħħari tagħna. Nafu li dan iċ-ċentru ser jissarraf f’kura u servizz aħjar għall-pazjent.

Biex wasalna s’hawn, kellna nuru kuraġġ kbir, għax l-isfidi ma kienux żgħar.

B’kuraġġ għarafna li kellna ħafna xogħol x’nagħmlu fis-settur tas-saħħa primarja.

B’kuraġġ ippjanajna x-xogħol, l-iżvilupp u l-investiment.

B’kuraġġ bdejna nwettqu l-pjan tagħna.

B’kuraġġ wasalna għall-ġurnata tal-lum fejn qegħdin ninawguraw l-ewwel Ċentru Reġjonali tas-saħħa f’pajjiżna. Ħolqa prominenti tas-settur tal-kura primarja moderna.

B’kuraġġ ser inkomplu bil-pjan u ħidma tagħna f’dan is-settur. Illum għandkom xhieda ħajja li qegħdin fit-triq it-tajba u bdejna naħsdu l-frott tal-istudji li saru. Nixtieq għalhekk nieħu l-opportunita` sabiex nirringrazzja lil kull min ta’ sehem biex dan l-avvanz ikun possibli. Grazzi lil kulħadd tal-pariri, fhemiet u ideat differenti biex noffru l-aqwa u l-aħjar servizz.

B’kuraġġ inkomplu nġeddu l-impenn tagħna biex nibqgħu ntejbu s-servizzi fil-qasam tas-saħħa, għax saħħtek għal qalbna.

Grazzi.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow