Left arrow Mur Lura

IL-MEUSAC U L-KUMMISSJONI EWROPEA JĠEDDU FTEHIM TA’ SĦUBIJA

pr0343
Date Icon 04/03/2013

Ftehim ta’ €1miljun iffirmat illum

Il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, u s-Sur Martin Bugelli, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, illum iffirmaw Ftehim ta’ Sħubija ġdid għall-perjodu 2013-2016. Dan il-Ftehim ġedded dak ta’ qablu għall-perjodu 2009-2012.

Dan il-Ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, id-Djalogu u l-Familja, Dott. Chris Said, u Dott. Peter Agius, Kap tal-Uffiċċju għall-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta. L-għan tiegħu hu li jirregola d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-MEUSAC bħala l-entità magħżula mill-Gvern biex timplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea.

Il-Ftehim ta’ Sħubija għandu l-għan li jkun hemm kordinazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fl-inizjattivi li jittieħdu biex titwassal l-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea (UE) permezz ta’ Pjan komuni ta’ Komunikazzjoni miftiehem u finanzjat miż-żewġ naħat. Il-Pjani ta’ Komunikazzjoni li jsiru kull sena jitfasslu u jiġu regolati minn Tim ta’ Kordinament magħmul minn rappreżentanti tal-gvern nazzjonali, il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, u li l-funzjoni tiegħu hi li jikkoordina l-ippjanar, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni.

Permezz tal-Ftehim ta’ Sħubija, il-Kummissjoni tiddelega xi wħud mill-poteri ta’ finanzjament tagħha lil entitajiet intermedjarji nazzjonali mqabbda mill-Istati Membri u approvati mill-istess Kummissjoni. Dawn l-entitajiet huma responsabbli li jwettqu miżuri amministrattivi ġenerali marbuta ma’ inizjattivi konġunti ta’ informazzjoni skont kif żviluppati fil-Pjani ta’ Komunikazzjoni. Dawn il-miżuri jinkludu l-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-immaniġjar ta’ għotjiet ta’ fondi u proċeduri ta’ kuntratti, u kif ukoll l-immaniġjar tal-infiq relatat. Il-MEUSAC, bħala l-entità intermedjarja, ġiet afdata bir-responsabbiltajiet delegati lilha abbażi tal-Pjan ta’ Komunikazzjoni.

Il-Ftehim ta’ Sħubija li ġie ffirmat illum jipprovdi għal finanzjament ta’ €1miljun mill-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu ta’ erba’ snin (2013-2016) filwaqt li l-Gvern ta’ Malta jipprovdi r-riżorsi umani u l-infrastruttura meħtieġa biex il-MEUSAC iwettaq il-miżuri ppjanati. Il-prijoritajiet għal din is-sena huma: l-irkupru mill-kriżi ekkonomika, is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014. Diġà ġew ippjanati diversi miżuri ta’ komunikazzjoni, fosthom: kampanja fil-mezzi tax-xandir, seminars u attivitajiet ta’ informazzjoni dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013; il-promozzjoni tal-importanza tal-Istituzzjonijiet tal-UE fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini; u episodju ġdid tal-cartoon edukattiv popolari mat-tfal, ‘Tommy u Rosy’.

Uħud mill-miżuri ta’ komunikazzjoni implimentati fi ħdan l-ewwel Ftehim ta’ Sħubija, iffirmat fl-2009, kienu jikkonsistu f’wirjiet fl-ibliet u l-irħula; kampanja ta’ għarfien ambjentali; kampanji relatati mas-Snin Ewropej; kampanja ta’ komunikazzjoni u serje ta’ seminars dwar l-Istrateġija ‘Ewropa 2020’; programm ta’ taħriġ dwar l-UE għall-għalliema; l-iżvilupp ta’ sit elettroniku għaċ-ċittadini; il-promozzjoni ta’ konsultazzjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE; il-promozzjoni ta’ proġetti li saru bil-fondi tal-UE; u l-iżvilupp, il-produzzjoni u x-xandir ta’ tliet episodji tal-cartoon edukattiv dwar l-UE, ‘Tommy u Rosy’.  Fl-erba’ snin li ġejjin, il-Ftehim ta’ Sħubija se jkompli jindirizza n-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, qal li l-Ftehim il-ġdid se jibni fuq is-suċċess tal-ftehim ta’ qablu billi jkompli jwessa’ l-komunikazzjoni mal-pubbliku ġenerali. Hu spjega kif il-miżuri ta’ komunikazzjoni ta’ din is-sena se jindirizzaw id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE - anke minħabba li l-MEUSAC ġie magħżul bħala l-Kordinatur Nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013.  Dott. Xuereb irrefera wkoll għall-koperazzjoni sħiħa li teżisti bejn il-MEUSAC, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta; koperazzjoni li wasslet biex iċ-ċittadini Maltin ikunu infurmati aħjar dwar l-UE.

Is-Sur Martin Bugelli, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, qal li dan il-ftehim, li permezz tiegħu l-Kummissjoni Ewropea qed tintrabat li talloka dawn il-fondi lill-MEUSAC, huwa konferma ta' relazzjoni ta' ħidma mill-aqwa li stabbilixxew il-Kummissjoni Ewropea u l-MEUSAC matul l-erba' snin li għaddew bħala frott tal-ftehim li kien hemm sas-sena l-oħra. Huwa qal li dawn kienu erba' snin ta' attivitajiet u inizjattivi ma jaqtgħu xejn. Huwa qal li dan juri kemm l-UE mhix ‘il bogħod jew maqtugħa miċ-ċittadini, imma Unjoni qrib iċ-ċittadini permezz tal-entitajiet nazzjonali. Dawn l-entitajiet għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu infurmati tajjeb dwar l-UE. Is-Sur Bugelli rrefera għall-MEUSAC bħala l-entità ideali biex twassal l-informazzjoni għaliex għandha l-kapaċità u l-għarfien biex tilħaq firxa wiesgħa ta' udjenzi, miċ-ċittadini san-negozji, għaqdiet non-governattivi u kunsilli lokali.

Dott. Peter Agius, Kap tal-Uffiċċju Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta, qal li l-UE hi daqstant kumplessa daqskemm hija ta’ benefiċċju għall-ħajja ta’ kuljum, għall-ekonomija u għall-aspirazzjonijiet għall-ġejjieni. Żied jgħid li jeħtieġ negħlbu dawn il-kumplessitajiet marbuta mal-UE biex niżguraw li l-għarfien dwar id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej jilħaq il-pubbliku Malti. Dott. Agius qal ukoll li dan jitlob li l-komunikazzjoni effettiva tad-drittijiet taċ-ċittadini bħal dak tal-informazzjoni ssir bit-tisħiħ taċ-ċittadini stess. Permezz ta dan il-ftehim, skont Dott Agius, se jibbenefikaw direttament iċ-ċittadini Maltin b’riżultat tal-ħidma mill-qrib tal-Kummissjoni Ewropea, tal-MEUSAC u tal-Uffiċċju Informazzjoni tal-Parlament Ewropew bil-għan li ċ-ċittadini Maltin jintlaħqu aħjar bl-informazzjoni li biha jgawdu aktar bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru Chris Said irringrazzja lill-MEUSAC għall-ħidma eċċellenti, fit-twassil tal-informazzjoni dwar l-UE, fil-konsultazzjoni dwar politiki u leġiżlazzjoni tal-UE, u l-assistenza għall-opportunitajiet ta’ fondi lil mijiet ta’ organizzazzjonijiet lokali matul l-erba’ snin u nofs minn meta reġa’ twaqqaf. Hu rrefera għar-riżultati konkreti li nkisbu permezz tal-MEUSAC f’din il-leġiżlatura, l-iktar permezz tal-kisba ta’ fondi tal-UE mill-kunsilli lokali u l-għaqdiet mhux governattivi li ssarrfu f’145 proġett għall-benefiċċju tas-soċjetà b’valur totali ta’ iktar minn €18.5 miljun miksuba bl-assistenza diretta tal-MEUSAC lil dawn l-entitajiet.

Il-Ministru Said irringrazzja wkoll lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta li wkoll iservu ta’ pontijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-pubbliku dwar materji relatati mal-UE u fisser dan il-Ftehim ta’ Sħubija bħala pass ieħor importanti biex l-UE tkun iktar qrib taċ-ċittadini.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow