STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
INAWGURAT GRAWND ĠDID B’TURF SINTETIKU FIX-XEWKIJA
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, inawgurat xogħlijiet intensivi li swew madwar €120,000 li permezz tagħhom il-grawnd tax-Xewkija Tigers ġie miksi bit-turf sintetiku filwaqt li sar xogħol ieħor ta’ ristrutturar f’faċilitajiet oħra f’dan il-grawnd. Dan huwa proġett ieħor li jirrappreżenta ħolqa oħra f’katina ta’ inizjattivi li raw titjib fil-faċilitajiet sportivi madwar il-gżira.
Ix-xogħlijiet ġew koordinati mill-klabb tax-Xewkija Tigers bis-saħħa ta’ sostenn finanzjarju mill-Ministeru għal Ghawdex, il-Fond għall-Kawzi Ġusti tal-Lotteriji Nazzjonali kif ukoll mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija u l-Malta Football Association (MFA). Il-klabb tax-Xewkija Tigers jinkorpora tim tal-kbar kif ukoll nursery li bħalissa qed jattendu għaliha madwar 70 tifel minn din il-lokalità.
Minbarra li ser ikun qed joffri faċilitajiet aħjar lill-klabb tax-Xewkija Tigers, permezz tat-titjib li sar, dan il-grawnd ser ikun ta’ servizz ukoll għall-klabbs oħra kemm Maltin kif ukoll Għawdxin. Barraminhekk, ser ikun qed itejjeb il-faċilitajiet fil-logħob organizzat mill-Gozo Youth Football Association (GYFA) li jużaw dan il-grawnd fuq bażi regolari. F’dawn l-aħħar snin numru ta’ grawnds f’diversi lokalitajiet f’Għawdex qed jintużaw minn timijiet u nurseries Maltin għal sessjonijiet ta’ taħriġ kif ukoll logħob ieħor. Dan kollu qed iżid mal-attrazzjonijiet f’Għawdex u joffri wkoll spunt fl-iżvilupp ta’ niċeċ partikolari bħal ma hu t-turiżmu sportiv.
Il-Ministru Giovanna Debono faħħret l-inizjattiva tax-Xewkija Tigers li pproponew u ħadmu biex setgħu iwettqu dan il-proġett. Hija esprimiet sodisfazzjon għall-kwalità tax-xogħlijiet li twettqu, li jilħqu standards ferm tajbin bir-riżultat li joħolqu ambjenti u faċilitajiet sportivi xierqa għaż-żgħażagħ u t-tfal Għawdxin u għal dawk kollha li jagħmlu użu minnhom. Il-Ministru rreferiet ukoll għas-sostenn tal-Ministeru għal Għawdex b’risq klabbs oħra tal-futbol madwar il-gżira fosthom dawk tax-Xagħra, tan-Nadur u ta’ Sannat li komplew isaħħu l-faċilitajiet sportivi f’diversi rħula f’Għawdex. Dan minbarra l-appoġġ li l-Gvern dejjem ta lill-Istadium ta’ Għawdex fix-Xewkija biex illum jista’ jospita wkoll logħob fuq livell internazzjonali. Il-Ministru għal Għawdex fissret ukoll kif fil-baġit għas-sena 2013, il-Gvern ippropona allokazzjoni ta’ nofs miljun ewro għal titjib fil-grawnds madwar il-gżira ta’ Għawdex. Dan jista’ jfisser li f’Għawdex ikun hemm tliet pitches sħaħ oħra bit-turf sintetiku, flimkien ma’ oħrajn ta’ daqs ftit iżgħar. Il-Ministru Debono semmiet ukoll l-investiment ta’ kważi nofs miljun ewro oħra, li sar fuq il-Kumpless Sportiv fir-Rabat Għawdex.
Min-naħa tiegħu l-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, fisser kif il-Gvern f’din il-leġiżlatura nvesta b’mod sostanzjali fil-qasam sportiv fosthom fil-faċilitajiet u l-opportunitajiet sportivi anke fil-livell ta’ komunita’. Huwa fisser kif minkejja li f’dawn il-ħames snin ir-responsabiltajiet li ġew afdati lilu ma kinux jinkludu l-isport jew lil Għawdex, għamel ħiltu biex anke għaqdiet Għawdxin fosthom Xewkija Tigers Football Club jingħataw għajnuna finanzjarja biex ikunu jistgħu jibqgħu jwettqu l-ħidma tagħhom. Huwa faħħar organizzazzjonijiet bħal Xewkija Tigers, ħafna drabi mmexxija minn kumitat ta’ voluntiera, li qed jagħtu opportunita’ ta’ tagħlim, taħriġ u eżerċizzju fiżiku lil tant tfal u żgħażagħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en