STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
INAWGURATI XOGĦLIJIET TA’ TISBIĦ TAN-NIĊĊA TAL-MADONNA TAL-KARMNU F’TA’ KERĊEM
Xogħlijiet ta’ tisbiħ li saru fuq in-niċċa tal-Madonna tal-Karmnu li tinsab fi Triq Qasam San Ġorġ f’Ta’ Kerċem ġew inawgurati mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex. Dawn ix-xogħlijiet saru mill-Kunsill Lokali ta’ Kerċem bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali u tal-għaqda Wirt Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet li din hija okkażjoni oħra li tixhed l-impenn tal-Kunsill Lokali ta’ Kerċem, fir-rigward tal-ħarsien u l-konservazzjoni tal-patrimonju storiku u kulturali tal-lokalità. Żiedet tgħid li minkejja ċ-ċokon tal-gżira ta’ Għawdex, il-lokalitajiet Għawdxin huma mogħnija b’siti storiċi u karatteristiċi li jkomplu jżidu mal-attrazzjonijiet naturali tal-gżira. Il-Ministru Debono fakkret kif il-Kunsill Lokali ta’ Kerċem u Għaqdiet Mhux Governattivi fil-lokalità komplew isebbħu u jtejbu diversi faċilitajiet permezz ta’ għajnuna finanzjarja minn żewġ skemi tal-Ministeru għal Għawdex taħt il-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2010-2012. “Il-Kunsill Lokali kiseb aktar minn €65,000 f’għajnuna minn dawn l-iskemi, li kienu jinkludu xogħlijiet bħal bini ta’ ħitan tas-sejjieħ u tisbiħ ieħor ta’ kważi nofs kilometru ta’ toroq u proġetti marbuta mal-użu ta’ dwal li jaħlu u jniġġsu inqas” qalet il-Ministru Giovanna Debono. Dan minbarra għajnuna ta’ aktar minn €125,000 oħra lill-Kumitat Amministrattiv ta’ Santa Luċija u żewġ Għaqdiet oħra li wettqu proġetti oħra f’Santa Luċija u Ta’ Kerċem.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja, Djalogu u l-Familja, l-Onor. Chris Said fisser dan il-proġett bħala ħolqa oħra fil-katina ta’ proġetti u inizjattivi li wettqu l-Kunsill Lokali Ta’ Kerċem u l-Kumitat Amministrattiv ta’ Santa Luċija matul l-aħħar snin biex offrew ambjent dejjem isbaħ lir-residenti u lil min iżurhom kif ukoll apprezzament aħjar tal-wirt storiku tagħhom. Huwa semma’ kif ftit wara l-bidu tal-leġiżlatura huwa nħatar responsabbli mill-Kunsilli Lokali u taħt ir-responsabilta’ tiegħu sar il-proċess ta’ tiġdid tal-Kunsilli Lokali li wassal fost l-oħrajn għall-ħolqien tal-Kumitati Amministrattivi u iktar responsabilta’ u taħriġ lill-membri u lis-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali. Chris Said fakkar kif matul dawn il-ħames snin il-Gvern żied b’mod sostanzjali l-allokazzjoni finanzjarja kull sena għall-Kunsilli Lokali, għal medja ta’ €30 miljun fis-sena, kif ukoll ħoloq numru ta’ skemi differenti li għamluha possibbli lill-Kunsilli Lokali biex japplikaw għalihom, jakkwistaw iktar fondi u jwettqu iktar inizjattivi u proġetti għall-ġid tal-lokalita’ u tal-komunita’ tagħhom. Ir-riżultat fil-qasam tal-Kunsilli Lokali fl-aħħar ħames snin, inkluż f’Għawdex, fisser il-Ministru Said, qiegħed hemm biex jarah kulħadd – lokalitajiet isbaħ, iktar indaf, residenti iktar konxji mill-wirt storiku u kulturali tagħhom, u lokalitajiet b’iktar servizzi għar-residenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en