INAWGURAZZJONI TAL-KANTINA TAL-ISKOLA TAL-ARTI
Imnedija r-raba’ sejħa għal Boroż ta’ Studju fl-Arti
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina dalgħodu inawgurat spazju għall-esibizzjonijiet li jinsab fis-sotterran tal-Iskola tal-Arti fil-Belt u li kien restawrat b’ħidma kbira li saret matul din is-sena. Il-Ministru nidiet ukoll ir-raba’ sejħa għal applikazzjonijiet għal Boroż ta’ Studju fl-Arti.
Fil-preżenza ta’ studenti u għalliema tal-imsemmija skola, Dolores Cristina qalet li llum ħadd ma għandu dubju li f’dawn l-aħħar snin il-qasam tal-Arti f’pajjiżna ngħata spinta kbira ’l quddiem. Illum dan il-qasam ma għadux meqjus bħala wieħed tad-dilettanti imma hu qasam li għandu importanza ekonomika u sar industrja li toffri impjieg lil mijiet ta’ persuni fid-diversi oqsma artistiċi kemm dik viżiva kif ukoll fl-arti performattiva.
L-Iskola tal-Arti tal-Belt Valletta għandha tradizzjoni li tmur lura sa mill-1926 u minnha ħarġu artisti famużi bħal Ċensu Apap, Ġorġ Borg, Esprit Barthet, Ġanni Bonnici u oħrajn. Fuq medda ta’ aktar minn 85 sena din l-iskola kompliet tikber.
Is-suċċess ta’ din l-iskola jidher mill-fatt li fl-2008 kien hemm 380 student u llum hawn 530, żieda ta’ 40%. Mill-530 student, 420 huma fl-età bejn il-25 u 64 sena filwaqt li 250 huma nisa.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol qalet li rridu nkomplu nibnu fuq l-esperjenzi pożittivi li offriet u għadha qed toffri din l-iskola. Fakkret li sena ilu, dan l-ispazju li kien ilu magħluq u mitluq għal bosta snin kien deċiż li jkun irranġat biex jibda jsir użu minnu. B’nefqa żgħira imma b’ħidma kbira mill-ħaddiema tal-Precincts Management Unit tad-Direttorat tal-Edukazzjoni il-post kien restawrat fil-ġawhra li qed ninawguraw illum. Issa l-istudenti tal-iskola tal-Arti se jkollhom spazju fejn jistgħu jesibixxu x-xogħlijiet tagħhom u se jkun hawn ukoll workshops tal-iskultura u t-tpinġija.
Dan hu aspett wieħed mill-ħidma li saret biex inkomplu nġibu ’l quddiem il-qasam tal-Arti u l-Kreattività f’pajjiżna. Qed issir ħafna aktar ħidma f’dan ir-rigward.
Il-Ministru semmiet il-korsijiet tal-Arti offruti mill-Istitut tal-Arti u d-Disinn tal-MCAST li fih investejna miljuni ta’ Ewro anke bl-għajnuna ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea. Studenti minn dan l-istitut qed jirnexxielhom joħolqu xogħlijiet u disinji li saħansitra qed jingħażlu mill-industrja lokali u internazzjonali biex jintużaw għall-prodotti tagħhom.
L-Università ta’ Malta ukoll għamlet passi ta’ ġgant f’dan il-qasam. Illum il-campus tal-Università fil-Belt Valletta hu dedikat kważi kollu kemm hu għal korsijiet u riċerka dwar l-Arti fil-forom kollha tagħha mit-teatru sad-danza, mill-istorja tal-arti sal-mużika u tant oqsma oħra.
Il-Gvern hu impenjat li jkompli jgħin lil min irid jagħmel karriera u jispeċjalizza f’xi qasam tal-arti. F’dan ir-rigward il-Ministru Cristina nidiet ir-raba’ sejħa għal Boroż ta’ Studju fl-Arti. L-ewwel skema ta’ Scholarships fl-Arti kienet imnedija fl-2010 u f’dawn it-tliet snin diġà ngħataw 36 borża ta’ studju.
Permezz ta’ dawn il-Boroż ta’ Studju kien hemm min mar jispeċjalizza fl-arti, fid-disinn arkitettoniku, fil-mużika kontemporanja, min mar jistudja xi strument mużikali partikolari, min speċjalizza fil-vuċi, fiż-żfin mill-Flamenco sal-Ballet, computer animation, sound engineering, disinn u saħansitra fid-disinn tal-ħwejjeġ.
Kellna studenti li marru jistudjaw fir-Renju Unit, fi Spanja, fil-Belġju, fl-Italja u anke fid-Danimarka.
Minħabba s-suċċess ta’ dawn l-iskemi il-Gvern din is-sena żied il-fond ta’ dawn il-Boroż ta’ Studju li fl-2010 kien ta’ €200,000 u issa tela’ għal €240,000 biex inkunu nistgħu ngħinu aktar nies. Din hi skema kompetittiva ħafna u kull darba il-Bord tal-Għażla qed ikollu biċċa xogħol diffiċli biex jagħżel lil min jalloka dawn il-fondi. L-iskema hi mfassla speċifikament għal min għandu talent u jrid ikompli jispeċjalizza fit-tpinġija, l-iskultura, il-mużika, id-danza, it-teatru, il-film, id-diġital gaming, fost l-oħrajn. L-applikazzjonijiet jagħlqu fit-30 ta’ April u d-dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit elettorniku tal-Ministeru tal-Edukazzjoni.
Dolores Cristina fakkret li f’dawn l-aħħar ħames snin il-Gvern offra aktar minn 2,000 scholarship f’diversi oqsma inkluż fil-qasam tal-Arti b’investiment ta’ madwar €20 miljun.
Il-Gvern impenjat li jkompli jinvesti fil-qasam tal-Arti u l-Kreattività u hemm pjani biex titwaqqaf Akkademja tal-Arti li tkun tiġbor fiha l-iskejjel tal-Arti, tad-Drama, tal-Mużika u d-Danza fost l-oħrajn u b’hekk tinħoloq sinġerija akbar bejn id-diversi oqsma tal-arti.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol awgurat li l-investiment li qed isir fil-qasam tal-arti u l-kreattività ikompli joktor u joffri aktar opportunitajiet lil ħafna aktar żgħażagħ u adulti li jixtiequ jieħdu dan il-qasam bis-serjetà u jagħmlu karriera fih.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en