Left arrow Go Back

ARRANĠAMENTI BIEX PAZJENTI FL-ISPTARIJIET JIVVUTAW FL-ELEZZJONI ĠENERALI U FL-ELEZZJONIJIET TAL-KUNSILLI LOKALI F’MARZU 2013

pr0322
Date Icon 01/03/2013

Proċess tal-Votazzjoni fl-isptarijiet

Id-Dipartiment tas-Saħħa jgħarraf li wara tibdil fil-leġislazzjoni, bi qbil mal-Kummissjoni Elettorali, saru dawn l-arranġamenti li ġejjin sabiex il-votazzjoni minn pazjenti fl-isptarijiet tal-Gvern timxi bl-ordni.

Pazjenti rikoverati sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tlieta, 5 ta’ Marzu 2013

Għall-ewwel darba, pazjenti li jkunu rikoverti fl-isptarijiet ta’ Mater Dei, Monte Karmeli, l-isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex sas-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tlieta, 5 ta’ Marzu 2013, għalkemm id-dokument għall-votazzjoni tagħhom juri mod iehor, ser jivvutaw fl-isptarijiet imsemmija.  Il-votazzjoni ser issir il-Ġimgħa, 8 ta’ Marzu 2013 bejn 07:00 ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija.

Pazjenti rikoverati wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tlieta, 5 ta’ Marzu 2013

Pazjenti li jiġu rikoverati fl-isptar Mater Dei, l-isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, l-isptar Monte Karmeli u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tlieta, 5 ta’ Marzu 2013, kif ukoll pazjenti u residenti fl-isptar Boffa u fid-diversi Djar tal-Anzjani ser jivvutaw fil-jum tas-Sibt, 9 ta’ Marzu,  fil-bliet u l-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.

It-tabib inkarigat mill-kura tal-pazjent, ser jindika fl-istorja ta’ kull pazjent jekk jistax joħrog mis-sala biex jivvota u jekk iva, b’liema mezz ta’ trasport.

Il-pazjenti jkollhom l-għazla li jinqdew bis-servizzi li ser joffri d-Dipartiment sabiex ikunu akkumpanjati sal-post tal-votazzjoni fl-isptar stess u lura, jew inkella jagħmlu arranġamenti biex ikunu akkumpanjati lejn u lura, minn persuna oħra identifikata minnhom minn qabel.

F’kull sptar fejn il-qraba ser iwasslu lill-pazjenti huma stess bi trasport privat, ikun meħtieġ li dawn l-istess qraba jitolbu permess bil-miktub minn qabel lill-Amministratur ta’ l-isptar li fiħ il-pazjent/a hu/hi rikoverat/a.  F'jum il-votazzjoni, jigifieri is-Sibt, 9 ta’ Marzu 2013, dan il-permess irid jintwera l-ewwel lill-uffiċjal tas-sigurta’ tal-isptar sabiex l-individwu jkollhu aċċess għall-isptar, u mbagħad lill-uffiċjal inkarigat fl-istess sptar mit-trasport tal-pazjenti.  Biex jiġi ffaċilitat il-proċess u jiġi evitat dewmien żejjed, hu mitlub li qraba li jiġbru lill-pazjenti huma nnifishom, jagħmlu dan mis-siegħa ta’ wara nofs in-nhar il-quddiem.

Fil-każ ta’ pazjenti li joħorġu biex jivvutaw kontra l-parir tat-tabib konsulent jew li ma jieħdux il-parir mogħti lilhom rigward il-mezz tat-trasport jew akkumpanjament, ikun meħtieġ li l-pazjent jiffirma dikjarazzjoni li qed jagħżel li jagħmel hekk fuq responsabbilità tiegħu innifsu.  Jekk jagħmel hekk, ikun jista’ jmur b’liema mezz li jagħżel.

Id-dokument għall-votazzjoni tal-Elezzjoni Ġenerali u l-Kunsilli Lokali

Il-pazjenti huma mfakkra li biex joħorġu jivvutaw għandu jkollhom f'idejhom id-Dokumenti għall-Votazzjoni. Il-qraba li għandhom f’idejhom id-dokument għall-votazzjoni tal-pazjenti huma mitluba li jagħtu d-dokument lill-pazjent/a.  Saru arranġamenti amministrattivi biex pazjenti li jixtiequ jafdaw id-Dokumenti għall-Votazzjoni f'idejn l-Awtoritajiet ta’ l-Isptar jew f’idejn ic-Chairperson tas-Sottokumitat imwaqqaf apposta mill-Kummissjoni Elettorali, ikunu jistgħu jagħmlu dan filwaqt li tiġi garantita is-sigurtà ta' dawn id-dokumenti.

Servizzi tas-Saħħa

Fil-jum tal-votazzjoni, is-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet, fl-out-patients, fl-ispiżeriji u fiċ-Ċentri tas-Saħħa ser ikomplu għaddejjin bħas-soltu.

Ħinijiet tal-Viżitaturi fil-Jum għall-Votazzjoni

Minħabba li l-Ġimgħa, 8 ta’ Marzu 2013, ser ikun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fl-isptarijiet, il-ħinijiet tal-viżitaturi ser ikun ristrett kif imsemmi hawn isfel:

Fl-Isptar Mater Dei u fl-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, il-ħin tal-viżitaturi ser ikun ristrett għal siegħa, bejn is-sebgħa u t-tmienja ta’ filgħaxija. 

Fir-Residenza San Vincenz, fl-Isptar Monte Karmeli, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fid-diversi Djar ta' l-Anzjani, mhux ser ikun hemm ħin tal-viżitaturi. 

Il-ħin tal-viżitaturi fl-Isptar Boffa ser jibqa l-istess.

F’każ ta’ problemi u dubji, il-pubbliku hu mitlub jikkomunika mas-sezzjoni tal-Customer Care jew l-amministrazzjoni fl-entita kkonċernata.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow