ĦIDMA FAVUR IL-ĦARSIEN TAL-ANNIMALI
Illum il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali George Pullicino żar investiment ġdid li qed jintuża fiċ-Ċentru San Franġisk għall-Ħarsien tal-Annimali f’Ta’ Qali. Dan iċ-Ċentru investa f’apparat li jaqra l-X-Rays b’mod diġitali. B’dan il-mod, apparti l-fatt li l-X- Ray se jkun jista’ jinqara aħjar, jgħin ukoll biex f’każ li jkun hemm bżonn konsulenza fuq xi każ minn veterinarji minn barra l-pajjiż, l-analiżi tkun tista ssir f’ħin qasir fost benefiċċji oħra li dan l-apparat joffri.
Il-Ministru Pullicino filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema u l-volontiera kollha li jaħdmu f’dan il-qasam sostna li l-Gvern f’din il-leġiżlatura ħadem bis-sħiħ favur il-ħarsien tal-annimali, b’impenn tant li:
• twaqqaf Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali;
• inħolqot sistema ta’ ambulanza għall-annimali li taħdem 24 siegħa għal 7 ijiem fil-ġimgħa. is-servizz tal-ambulanza tal-annimali, ġabar ’il fuq minn 6,000 annimal ferut;
• ġew addottati madwar nofs dawn il-klieb u qtates miġbura mill-familji Maltin u Għawdxin;
• sar neutering programme u ngħatat għajnuna lis-Santwarji tal-Annimali;
• id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ressaq u segwa mill-qrib 52 każ ta’ moħqrija ta’ annimali li ddaħħlu l-Qorti. Każ f’dawn l-aħħar snin li kien seraq il-qlub ta’ kulħadd kien dak tal-kelba Star. Fiċ-ċentru ta’ San Franġisk sar monument għall-kelba Star biex jitwassal messaġġ kontra l-moħqrija tal-annimali, biex qatt aktar f’pajjiżna ma jseħħu atti ħorox bħal ma sofriet din il-kelba.
• sar proċess fejn inħarġet liġi li tobbliga lil kull sid ta’ kelb biex kull kelb ikollu microchip. L-għanijiet prinċipali ta’ dawn ir-regolamenti hu;
• biex anqas persuni jabbużaw u jabbandunaw klieb meta jixbgħu minnhom;
• biex ikun hawn anqas periklu għas-saħħa pubblika minħabba tixrid ta’ mard mill-klieb;
• biex ikun hawn anqas attakki minn klieb abbandunati li jattakaw klieb u annimali oħra;
• biex tinħoloq database ċentrali b’reġistru sħiħ tal-informazzjoni kollha rigward il-klieb u s-sidien tagħhom. B’dan l-eżerċizzju ġew microchipped ’il fuq minn 50,000 kelb.
• fl-2010 nfetaħ Ċentru San Franġisk għall-Ħarsien tal-Annimali. Ċentru li qed jagħti servizz ta’ kura 24 siegħa kuljum Ħdud u festi inklużi. Ħafna mill-każijiet daħlu fiċ-Ċentru matul il-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu. Dan juri kemm kien hawn bżonn f’pajjiżna Ċentru li jibqa’ miftuħ matul il-lejl 24 siegħa kuljum.
• saru shelters għall-karozzini fil-Belt Valletta;
• saru żewġ dog parks f’ta Qali u f’Wied il-Għajn. Parks li qed iservi biex familji li għandhom kelb ikunu jistgħu jieħdu l-kelb tagħhom f’dawn il-Parks li joffru logħob varju għall-klieb;
• ingħataw 12 – il scholarship lil studenti biex jilħqu veterinarji.
• Infetaħ Petting Farm f’Ta Qali u fil-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn, biex titrawwem fit-tfal imħabba dejjem akbar lejn dawn il-kreaturi.
Il-Ministru Pullicino wera s-sodisfazzjon u l-aprezzament tiegħu lejn kull min ħadem biex f’dawn l-aħħar 5 snin dan is-settur ingħata l-importanza li tixraqlu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en