DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAL-ISKOLA SEKONDARJA TAL-BNIET FIL-KULLEĠĠ SAN INJAZJU, TAL-ĦANDAQ, ĦAL QORMI – IL-ĦAMIS, 28 TA’ FRAR 2013
Prinċipal,
Kap tal-Iskola,
Ġenituri,
Sinjuri,
Il-ftuħ ta’ skola ġdida huwa messaġġ b’saħħtu għal pajjiżna. Hu messaġġ li qegħdin noffru l-aħjar edukazzjoni lil uliedna.
Din l-iskola hija mgħammra bl-aħjar teknoloġija u riżorsi li jistimulaw lil uliedna biex jitgħallmu. Għax skola ġdida mhix biss dwar ħitan sbieħ u kurituri spazjużi.
Is-suċċess ta’ skola jinsab f’kemm ixxettel f’uliedna l-għatx li jitgħallmu, li jiskopru, li joħolmu u li jilħqu l-aspirazzjoni tagħhom billi jkomplu jistudjaw.
Uliedna lkoll għandhom talenti u potenzjal straordinarju. Kull tifel u tifla għandu ħafna x’joffri lil pajjiżna. Bl-edukazzjoni li noffru, dmirna hu li nispiraw lil uliedna biex jemmnu fihom infushom u biex jiġru wara l-aspirazzjonijiet tagħhom.
L-iskola li qed niftħu llum hija investiment fl-aktar riżorsa prezzjuża ta’ pajjiżna: ir-riżorsa umana. Minn dawn it-tfal qegħdin nixprunaw l-opportunitajiet ta’ xogħol u l-karrieri ta’ għada. Qegħdin inwelldu l-ideat li minnhom joħorġu l-industrija, l-arti u l-kreattività, u l-invenzjonijiet ta’ għada. Qegħdin inxettlu ċittadini attivi li jibnu familji b’saħħithom u jagħtu sehemhom lill-komunitajiet tagħhom.
Bil-ftuħ ta’ din l-iskola żammejna l-wegħda li għamilna illi nibnu skola ġdida kull sena fil-ħames snin li għaddew:
Fl-2008 ftaħna skola sekondarja tas-subien f’Bormla;
Fl-2009 ftaħna skola primarja f’Pembroke;
Fl-2010 ftaħna skola sekondarja tas-subien fir-Rabat, Għawdex;
Fl-2011 ftaħna skola sekondarja tas-subien f’Ta’ Żokrija, il-Mosta; u
Fl-2012 ftaħna l-bibien tal-iskola sekondarja tal-bniet f’Tal-Ħandaq, Ħal Qormi.
Dawn l-iskejjel huma parti minn programm infrastrutturali li se jwassal biex nibnu skola ġdida kull sena sal-2020. Fl-istess waqt, qegħdin inwettqu programm estensiv ta’ tisbiħ f’kull skola eżistenti.
Jien u ndur il-klassijiet u laboratorji ta’ din l-iskola dalgħodu ma stajtx ma ninnotax ir-rivoluzzjoni li wettaqna fil-mod ta’ kif jitgħallmu t-tfal.
Investejna b’mod qawwi fit-teknoloġija. F’perjodu qasir ħafna ta’ ħames snin, ġew installati 2,642 interactive whiteboard fil-klassijiet tal-kindergarten, fil-primarja u fis-sekondarja. Dan flimkien mal-kompjuters u għodda teknoloġika li ġew installati.
B’mod simili, investejna fil-laboratorji tax-xjenza u tat-teknoloġija u d-disinn sabiex inżidu l-ammont ta’ żgħażagħ li minn età żgħira jieħdu interess fl-oqsma tax-xjenza. Fl-2010, pereżempju, użajna €1.5 miljun mill-fondi tal-Unjoni Ewropea biex xtrajna apparat xjentifiku li jtejjeb l-esperjenza edukattiva permezz ta’ esperimenti.
It-teknoloġija tagħti tifsira ġdida lid-deċiżjoni għaqlija li ħadna li nagħtu laptop lil kull għalliem. Permezz ta’ din l-għodda, l-għalliema qegħdin joffru attivitajiet aktar interattivi u jintegraw metodi ġodda ta’ tagħlim għall-istudenti.
L-investiment tal-Gvern fit-teknoloġija huwa proċess li qed isir bi ħsieb u fil-livelli kollha. Qed ninvestu aktar minn €2.8 miljun biex nipprovdu programmi diġitali fl-Ingliż, Malti, Matematika, Xjenza u għadd ta’ suġġetti oħrajn kemm fil-primarja kif ukoll fis-sekondarja. B’hekk, it-tagħlim jagħmel il-qabża teknoloġika li jmiss.
Issa qed nipproponi pass ieħor importanti ’l quddiem sabiex inkomplu nwettqu r-rivoluzzjoni f’dan il-qasam. Fil-leġiżlatura li jmiss, l-istudenti kollha fil-primarja u s-sekondarja fl-iskejjel tal-Gvern, indipendenti u tal-Knisja se jingħataw tablet mgħammar bi programmi edukattivi u tagħlim personalizzat skont il-livell akkademiku tagħhom. Magħhom, se jingħataw ukoll tablet l-għalliema u l-learning support assistants li qed jimxu id f’id mal-iżvilupp edukattiv ta’ wliedna.
L-għoti ta’ tablets huwa l-pass importanti li jmiss fl-iżvilupp tat-tagħlim li noffru lil uliedna. Permezz ta’ din l-għodda, se nkomplu niżviluppaw applikazzjonijiet skont il-livell edukattiv individwali tal-istudenti.
Dan hu t-twettiq fil-prattika tal-valuri edukattivi tal-inklużività. Irrid infakkar li f’pajjiżna llum 3,803 tifel u tifla qegħdin jingħataw għajnuna speċjalizzata permezz ta’ learning support assistant. Uliedna qegħdin jitgħallmu fl-aktar pajjiż inklużiv fl-Unjoni Ewropea: huma biss 0.15% tat-tfal li ma jistudjawx fl-iskejjel mainstream. L-għoti ta’ tablets se jkompli jsaħħaħ it-tagħlim inklużiv u one-on-one fil-klassi.
Permezz tat-teknoloġija, illum dawra ma’ skola tixhed iż-żieda fil-motivazzjoni u l-ħeġġa tat-tfal biex jieħdu sehem attiv fil-lezzjonijiet tagħhom.
F’dawn il-ħames snin, għamilna enfasi qawwija fuq il-punti kruċjali ta’ tranżizzjoni fl-edukazzjoni ta’ wliedna. Fassalna transizzjoni aktar serena għat-tfal mill-primarja għas-sekondarja biex uliedna jieħdu pjaċir jikbru u jitgħallmu.
Fit-tranżizzjoni bejn is-sekondarja u l-postsekondarja, introduċejna Walk in Service li permezz tiegħu l-career advisors fil-kulleġġi qed jiltaqgħu individwalment maż-żgħażagħ u jfasslu pjan għall-karrieri tal-futur li jibda mill-postsekondarja.
Mhux ta’ b’xejn li llum 83% tal-istudenti li jtemmu l-iskola sekondarja qed ikomplu jistudjaw. Ħames snin ilu, 59% taż-żgħażagħ kienu jkomplu jistudjaw.
Għalhekk, meta nħares lejn l-istudenti fl-iskejjel primarji u sekondarji tagħna ma narax tfal. Nara l-inġiniera, ix-xjenzjati, il-periti, l-għalliema u l-ħaddiema tal-ICT ta’ għaxar snin, ħmistax-il sena oħra.
Sinjuri,
Bl-aqwa sistemi edukattivi, qed inroddu lura l-fiduċja li ngħatat lilna mill-ġenituri li qegħdin jafdaw f’idejna l-aktar ħaġa li jgħożżu: uliedhom. Flimkien magħkom il-ġenituri li tagħmlu tant sagrifiċċji biex uliedkom jimxu ’l quddiem, qegħdin nagħtu l-aħjar edukazzjoni biex uliedkom ilkoll jagħmlu suċċess.
Dan qegħdin nagħmluh mhux biss bl-isbaħ skejjel u l-aktar teknoloġija avvanzata, iżda wkoll b’għalliema mħarrġa u ddedikati għall-vokazzjoni tagħhom. Li jagħtu l-enerġija kollha tagħhom biex kull tifel u tifla jirnexxu. Se nibqgħu ninvestu fl-aħjar riżorsi u opportunitajiet ta’ taħriġ għall-għalliema tagħna.
Dan hu s-sabiħ tal-politika edukattiva. Bid-deċiżjonijiet li nieħdu u bl-investiment li qed nagħmlu, qed nibnu futur sabiħ għal uliedna u għal pajjiżna.
Bħal żerriegħa li xxettel fjura sabiħa u mimlija kulur, hekk ukoll l-iskejjel tagħna huma l-benniena għal ċittadini attivi u l-ħaddiema ħabrieka ta’ għada.
Tabilħaqq l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-aħjar ġejjieni ta’ wliedek.
Nawgura li din l-iskola ġdida twassalkom biex tkunu rġiel u nisa li tagħmlu suċċess f’kull ma tagħmlu f’ħajjitkom.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en